Waqt il-programm fuq ONE Radio, Niddiskutu s-Sess, żewġ terapisti ddiskutew b’mod mill-iktar miftuħ u dettaljat is-suġġett ta’ threesomes u swinging. Skont dawn it-terapisti, din hi prattika li qed jiltaqgħu magħha iktar u iktar dan l-aħħar, fix-xogħol tagħhom.
Matthew Bartolo, counsellor jispeċjaliżża fis-sess u relazzjonijiet, qal li jiltaqa’ ma’ koppji li jiddiskutu li jdaħlu lil xi ħadd magħhom fis-sodda, għax jaħsbu li b’dan il-mod ikunu jistgħu jerġħu iqajmu l-ħajja sesswali tagħhom, li tkun bdiet tmajna xi ftit jew wisq.
Mike Orland, terapista tal-familji, semma li għalkemm ġieli taħdem, ladarba din tkun saret, ma tistax toħodha lura. B’hekk ċertu immaġni li jaf joħolqu għira kbira mhux kemm wieħed jinsihom, ladarba ġraw.
Kemm Matthew Bartolo u Mike Orland qablu li f’dawn il-każijiet jaf il-koppja iktar tkun qed taljena ruħha minn problema minflok taffaċjaha.
Dan għax il-problema ħafna drabi jaf tkun li l-koppja għadha qed tfittex l-istess tip ta’ pjaċir li kienet tieħu mis-sess fil-bidu tar-relazzjoni. Meta fil-verità s-sess wara ċertu żmien jagħtina mhux biss il – pjaċir imma l-għaqda ta’ bejn il-koppja.
Bartolo ta’ l-eżempju ta’ kif fil-bidu tar-relazzjoni, meta niltaqgħu għall-kafe’, nagħmlu dan b’entużjażmu għax inkunu qed nesploraw persuna ġdida. Wara ftit xhur u snin, nibdew nqattgħu ħin mas-sieħeb jew sieħba tagħna mhux biss biex nesploraw, iżda biex ninvestu iktar fil-konnessjoni ta’ bejnietna. Pero’, kompla jgħid Mattew, fis-sess bħal donnu nibqgħu mwaħlin fl-ewwel stadju u nfitxu biss il-pjaċir tan-novelta’ minflok niffukaw fuq l-għaqda u l-konnessjoni sesswali u intima’ tagħna.
Iżda, f’soċjetà li tajjeb jew ħażin qed tinbidel, Matthew Bartolo spiċċa d-diskursata b’ideat prattiċi ta’ x’wieħed għandu jieħu ħsieb, jekk ser jistieden xi persuna jew koppja fis-sodda mas-sieħeb jew sieħba. Idealment ma tkunx persuna li tafu u li se tibqa’ taffaċjah.
“Immaġina r-raġel ma jirnexxielux ikollu erezjoni dak il-ħin. Dan iktar ser jumilja ruħu milli jitqanqal. Jew inkella jara s-sieħba tiegħu tieħu iktar pjaċir mar-raġel jew mara l-oħra.”
Importanti li jiġi diskuss fid-dettal x’ser isir u x’ma jistax isir. Dan biex ħadd ma jħossu ngannat jew tradut waqt jew wara l-att. Protezzjoni hi ħaġa oħra li ta’ min jitkellem fuqha. Il-kontraċettiv għandu jinbidel kull darba li l-ġenitali jkollhom kuntatt ma’ persuna differenti. L-istess għandu jsir jekk ser jintużaw xi ġugarelli tas-sess.
Għal dan u iktar idħlu fuq il-paġna ta’ facebook Niddiskutu s-Sess jew sibu l-programm on demand fuq dan is-sit stess.