Ġimgħa wara l-mewt taż-żgħażugħ Zack Meli f’Paċeville l-Ħadd kmieni filgħodu, l-katavru tiegħu għadu ma’ ngħatax ir-rilaxx għad-difna mill-maġistrat inkwirenti.
Dan hekk kif għadhom għadejjin diversi testijiet tossikoloġiċi sabiex jiddeterminaw il-kawża tal-mewt tiegħu.
Ikkonfermaw dan sorsi qrib l-investigazzjonijiet li qalu li sa issa għad m’għandhomx f’idejhom ir-riżultati ta’ dawn it-testijiet li se jistabilixxu wkoll jekk Meli kienx taħt l-effett ta’ sustanzi illeċiti jew inkella alkoħol.
Dan hekk kif sa’ issa ġie determinat li d-daqqa ta’ ponn lill-Bulgaru Denis Dovko ta lil Meli ma kinetx il-kawża tal-mewt tiegħu u l-anqas ma kellha l-ebda rwol fil-mewt.
Madankollu ma hemm l-ebda dubju dwar din id-daqqa anke jekk l-awtopsja mhux konklussiva li saret stabbiliet li ma hemm l-ebda marka ta’ vjolenza iż-żagħżugħ.
Matul din il-ġimgħa l-Pulizija kompliet tiġbor u tistudja iżjed filmati tal-kameras tas-sigurtà ta’ madwar filwaqt li kellmet aktar persuni b’rabta ma’ dan il-każ, bil-mewt ta’ Meli sa issa jibqa misteru.
Tant hu hekk li dan il-każ sa issa mhux qed jiġi trattat bħala omiċidju iżda bħala mewt.
L-inkjesta b’rabta ma’ dan il-każ qed titmexxa mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit.