Aktar testijiet se jkunu qed isiru sabiex tiġi stabbilita l-kawża tal-mewt ta’ George Michael. Dan wara li r-rapport tal-awtopsja wera li hu wieħed inkonklussiv. It-testijiet se jkunu qed isiru biex ikun stabbilit jekk kienitx l-użu tad-droga li wasslet għall-mewt tal-kantant.
Il-Pulizija ta’ Thames Valley kkonfermaw li se jkunu qed isiru numru ta’ testijiet oħra, x’aktarx rapporti apposta li jidentifikaw jekk kienx hemm użu ta’ droga.
Fil-jum tal-Milied kienet tħabbret il-mewt ta’ George Michael fejn intqal li l-kawża tal-mewt kienet minħabba problemi f’qalbu.
Iżda, fi stqarrija maħruġa mill-Pulizija, ingħad li rapporti tat-testijiet jafu jieħdu diversi ġimgħat sakemm jinħarġu. Dan ifisser li l-kawża tal-mewt għadha mhix magħrufa.