It-tħassib dwar ir-radikalizazzjoni fil-ħabs qed ikompli jikber – jiġifieri li priġunieri jkunu mdakkra minn ideoloġiji estremisti, bħal dawk imħaddna mill-membri tal-Istat Iżlamiku.
It-tħassib jikber għaliex in-numru ta’ terroristi u estremisti vjolenti li qed ikunu arrestati madwar id-dinja qed jiżdied drastikament. Uħud mit-terroristi li issa jinsabu f’ħabsijiet kellhom rwoli kruċjali f’attakki bħal dawk f’Pariġi, Copenhagen u Brussell. Dawn stess jaf kienu radikalizzati waqt li kienu l-ħabs qabel l-attakki.
Sabiex dan it-tħassib ikun indirizzat, il-Bureau of Counterterrorism and Countering Violent Extremism issieħeb mal-International Institute for Justice and the Rule of Law (IIJ) li huwa ibbażat hawn Malta. Flimkien qed iħejju workshop dwar ir-radikalizazzjoni madwar id-dinja, biex uffiċjali li jaħdmu f’ħabsijiet ikollhom aċċess għall-għodod u programmi li jindirizzaw l-estremiżmu. Se jservi wkoll biex jinġabru l-aħjar prattiċi u minnhom wieħed ikun jista’ jitgħallem.
L-għażla ta’ Malta mhix kumbinazzjoni. F’kummenti għal din l-aħbar, il-Ministru responsabbli mill-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici qal li dan il-Gvern minnufih għadda liġi li biha sar reat li wieħed jingħaqad f’dak li jissejjaħ foreign freedom fighter group u saħħaħ bil-bosta r-reati marbuta mat-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni.
Żied jgħid li f’kuntest Ewropew, dan huwa suġġett li spiss jitqajjem fil-Kunsill tal-Ministri tal-Ġustizzja u Malta dejjem tkun minn ta’ quddiem biex tagħti kontribut kostruttiv.