It-temperaturi kesħin li ħakmu l-gżejjer Maltin fl-aħħar jiem mistennija jkomplu jippersistu fil-jiem li ġejjin. Hekk saħaq ma’ ONE NEWS is-Sur Patrick Zahra li ilu għal dawn l-aħħar tmienja u għoxrin sena jaħdem fl-Uffiċċju Meterjoloġiku fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Matul tmiem din il-ġimgħa, il-gzejjer Maltin qed ikunu ddominati minn temperaturi baxxi li saħansitra niżlu għal erba’ gradi celsius filwaqt li l-maltemp ġab miegħu qawwa ta’ riefnu forza ħamsa u sitta anke b’ħalbiet tax-xita bis-silġ. B’rabta ma’ dan tal-aħħar is-Sur Zahra spjega kif dan il-ksieħ kollu huwa ġej minn arja ta’ pressjoni baxxa li ġejja mill-pajjiżi Nordiċi kif ukoll mis-Siberja:
“Meta jkun hawn dawn it-temperaturi baxxi li jigi huwa mit-tramuntana tal-Ewropa – pajjiżi Nordiċi jew mis-Siberja – ikun hawn massa ta’ arja kiesħa li tibda nieżla mi-naħa tal-Ewropa. Affetwat ukoll lit-Taljani ilhom jgħidu ħafna u baqgħat nieżla din it-temperatura u kellhom il-borra fi Sqallija allura tippretendi li n-naħa tagħna nlaqqtu xi ħaġa ta’ temperaturi kesħin.”
Il-ħalbiet bis-silġ kienu fost l-aktar suġġetti u ritratti ttrattati fuq il-media soċjali. Madankollu, meta mistoqsi minn ONE NEWS, is-Sur Zahra qal li dik il-ħalba ma tikklassifikax bħala borra:
“Għalina dik mhux borra – soft hail jew inkella qisu silġ imma iktar artab. Biex ikollok il-borra jrid ikollok it-temperatura minn 0 jew 1 degree jew below. U anke s-sħab kien tat-tip Cumulus u dak ma jagħtiniex borra imma silġ. Biex ikollok il-borra jrid ikollok sħab iktar baxx bħal stratus jew nimbustratus.”
L-ewwel ħamest ijiem tas-sena kienu ddominati minn temperaturi aktar kesħin mis-soltu. It-temperatura medja f’Jannar normalment kważi tilħaq is-sittax-il grad celsius, sa issa din laħqet it-tlettax-il grad; mentri il-medja tal-inqas temperatura normalment tilħaq il-kważi għaxar gradi celcius mentri sa issa din niżlet għal kważi tmien gradi.
Minkejja li l-ksieħ qiegħed jinħass, l-inqas temperatura qatt irreġistrata f’Malta kienet ta’ ftit aktar minn grad celsius- liema temperatura ġiet irreġistrata lura fl-elf disa’ mija wieħed u tmenin.