Fix-xhur li ġejjin, ħames membri mill-korp tal-Pulizija se jattendu korsijiet barra minn Malta biex jispeċjalizzaw fil-foresnika. Is-suġġetti jinkludu l-użu ta’ kimika fil-laboratorju u l-forensika arkejoloġika f’xeni fejn ikun seħħ delitt.
Għal dawn l-aħħar ħames ġimgħat, tnax-il investigatur u żewġ maniġers li jaħdmu f’xeni fejn ikun seħħ delitt ingħataw taħriġ intensiv għal tmien sigħat kuljum, grazzi għall-kollaborazzjoni man-Netherlands Forensic Institute.
Waqt li indirizza konferenza tal-aħbarijiet, il-Minsitru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela spjega li bħalissa dawn qed jagħmlu l-eżamijiet fi tmiem il-kors. Fost oħrajn tgħallmu kif javviċinaw xena fejn ikun seħħ delitt, kif jagħmlu ‘touch DNA sampling’, kif jieħdu ritratti fejn ikun seħħ delitt, u kif jieħdu ħsieb l-evidenza. L-aħħar darba li Maltin għamlu taħriġ simili kien 20 sena ilu.
Fl-aħħar sentejn it-taqsima tal-forensika kienet involuta f’3,300 każ differenti.