F’dawn l-aħħar xhur ingħata taħriġ speċjalizzat lill-membri tal-ġudikatura illi jkollhom kuntatt dirett mat-tfal, avukati tat-tfal u medjaturi. Dan it-taħriġ online kien maqsum fuq numru ta’ ġimgħat bil-għan li jikber l-għarfien u s-sensittività dwar is-suġġett fost dawn il-professjonisti.
Dan tħabbar dan waqt konferenza tal-aħbarjiet tal-Gvern li fiha ġiet ippreżentata wkoll riċerka mill-Kumitat Trobbija Pożittiva, marbuta mal-effetti psikoloġiċi fuq it-tfal li jgħaddu minn separazzjonijiet.
Dan sabiex jittieħdu deċiżjonijiet infurmati minn kull min jaħdem f’dan is-settur sensittiv.
Dan anke bħala parti mill-wiegħda fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista favur inizjattivi ġodda sabiex jissaħħu s-salvagwardji legali li jilħqu l-interessi tat-tfal u l-ġenituri, anke meta l-ġenituri ma jgħixux taħt l-istess saqaf.
Waqt il-konferenza tal-aħbarjiet, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon saħaq fuq il-kunċett ta’ shared parenting, hekk kif din it-tip ta’ trobbija hija l-aktar waħda ideali għat-tfal li jkunu f’familji għaddejjin minn proċeduri ta’ separazzjoni.
Dan saħansitra kien spjegat mil-lettur fl-Università ta’ Malta fi ħdan id-Dipartiment tal-istudji tat-tfal u l-familji Claire Casha, hekk kif spjegat il-benefiċċji ta’ dan il-kunċett, fosthom b’aktar riżorsi għat-tfal, aktar ħin ta’ kwalità għall-ġenituri mat-tfal tagħhom, u inqas kunflitti.
“Hemm tliet fatturi prinċipali. Waħda minnhom hija l-aċċess għal aktar riżorsi. It-tfal meta jkunu f’din is-sistema għandhom aċċess għaż-żewġ neighbourhoods, żewġ komunitajiet, żewġ gruppi ta’ ħbieb pereżempju. Għandhom aċċess għar-riżorsi kemm finanzjarji, kapitali u soċjali tal-ġenituri tagħhom it-tnejn.“
Fil-fatt, rigward ir-riċerka preżentata, il-Ministru nnota li hekk kif jinbidlu ż-żminijiet, irid jaddatta għalihom kulħadd, u għalhekk il-Gvern se jkun qed jieħu azzjoni fuq din ir-riċerka.
“Ir-riċerka titkellem fuq dak li huwa shared parenting. Irridu dejjem inżommu f’moħħna li rridu nħarsu dejjem lejn l-aħjar interessi tat-tfal, mhux biss tal-ġenituri involuti. X’se nagħmlu? Għamilna tibdil, qed nagħmlu tibdil u se naraw li nkomplu fejn nistgħu nirranġaw dik li hija l-liġi fejn tolqot tal-familja, nibqgħu naħdmu flimkien bħala żewġ ministeri flimkien ma’ tal-Ġustizzja. Għax is-soċjetá tinbidel il-ħin kollu u aħna rridu ninbidlu magħha.”
Il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard tkellem dwar l-importanza li riċerka bħal din jiġu preżentati lil kull min jaħdem f’kawżi ta’ separazzjonijiet, hekk kif qal li jkun żball jekk id-deċiżjonijiet li jittieħdu f’dan is-settur ikunu deċiżjonijiet ibbażati fuq l-emozzjoni biss.
Bl-istess mod, il-Ministru qal li proġetti ta’ riċerka huma wkoll bżonnjużi fir-rigward ta’ riformi li jagħmel il-gvern f’dan is-settur.
“Dan l-istudju li sar b’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta jservi biex jagħti bażi b’saħħitha ta’ studju li huwa xjentifiku li jagħti bażi fuq xiex wieħed iħares mhux biss lejn dak li għandu x’jaqsam ma deċiżjonijiet li jittieħdu fil-Qorti, imma wkoll f’dak li għandu x’jaqsam mad-deċiżjonijiet li nieħdu aħna l-politiċi meta niġu biex nagħmlu r-riformi u l-emendi neċessarji f’dan is-settur.”