L-inizjattiva ta’ għajnuna għall-SMEs magħrufa bħala l-SME initiative qed tagħti opportunitá lill-kumpaniji żgħar u medji Maltin u Għawdxin biex ikunu jistgħu japplikaw għal dan l-istrument finanzjarju u jibbenefikaw minn fondi Ewropej.
Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza UE 2017 u fondi Ewropej Ian Borg li nawgura wieħed minn dawn il-proġetti li ħadu l-opportunità u permezz ta’ din l-inizjattiva is-Sinjuri Busuttil investew fl-intrapriża tagħhom.
Dan it-tkabbir ser jgħin lil operaturi jkunu aktar effiċjenti u kompetittivi filwaqt li jkollhom ritorn ekonomiku ogħla. Din l-iskema qed tinidirizza l-ħtiġijiet partikulari tal-SMEs Maltin li ħafna minnhom jimpjegaw ftit nies magħhom jew saħansitra joperaw waħedhom.
L-istess japplika għal family businesses li jiffurmaw parti sostanzjali tal-ekonomija ta’ pajjiżna bħalma huwa il-każ ta’ Daytona Workshops li jinsabu f’Ħal-Luqa.
Is-Segretarju Parlamenti spjega kif fl-aħħar snin, bir-raġun, il-banek kienu dejjem prudenti fis-self tagħhom u dan seta’ poġġa ċertu SMEs fi żvantaġġ.
Kien propju fuq dan il-ħsieb li ġie mniedi dan l-istrument finanzjarju li fi ftit xhur minn meta tpoġġa’ fis-suq assistita 203 intrapriża, 12 minnhom mill-gżira Għawdxija, b’valur totali ta’ self li jammonta iktar minn €25M.
Borg għalaq id-diskors tiegħu billi ħeġġeġ aktar intrapriżi biex jieħdu l-opportunità tal-‘SME Initiative’ li qed tiġi mħaddma minn Bank of Valletta u Banif Bank wara sejħa kompetittiva fuq livell Ewropew. Huwa stmat li ’l fuq minn 850 itrapriżi żgħar u medji serjibbenefikaw minn din l-inizjattiva matul il-5 snin li ġejjin.