Hekk kif kien imwiegħed fil-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’, se jitwessgħu l-faxex tal-means testing biex aktar studenti jkunu eliġibbli għal stipendju supplimentari.
Dan tħabbar waqt żjara li għamel il-Ministru għall-Edukazzjoni, Clifton Grima, fil-Kulleġġ Malti, għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija, l-MCAST, fejn iltaqa’ u tkellem mal-istudenti.
Permezz ta’ din il-miżura elettorali, se titwessa’ l-eġibilità għal din l-għotja addizzjonali biex jintlaħqu aktar studenti li ġejjin minn familji bi dħul baxx. Dan minbarra li se jkun hemm kunsiderazzjoni wkoll għan-numru ta’ studenti fil-familja, li jkunu għaddejjin bl-istudju tagħhom.
Din il-miżura, li qe titwessa’ bħalma l-Gvern wessa’ l-faxex ta’ dawk eliġibbli għall-Mekkaniżmu Addizzjonali tal-Għoli tal-Ħajja, se tibda tapplika minn din is-sena akkademika stess. Minnha se jibbenefikaw aktar minn 300 student.
Rohasia Zammit, li hi l-President tal-Kunsill Studenti MCAST, faħħret din l-inizjattiva.
“Bħala l-Kunsill Studenti MCAST, din narawha inizjattiva tajba ħafna, għax aħna dejjem qegħdin hemmhekk biex ngħinu lill-istudent u, il-fatt li se jkun hemm din l-inizjattiva biex tgħinna nipprogressaw ’il quddiem, napprezzawha ħafna.”
Dwar dan tkellem ukoll, Horace Laudi, li hu ċ-Chairperson Students’ Maintenance Grants Board. Hu spjega kif din l-inizjattiva kienet parti minn katina ta’ inizjattivi biex jiffaċilitaw ħajjet l-istudent, fosthom iż-żieda fl-istipendju f’korsijiet meqjusin essenjali f’oqsma tax-xogħol, kif ukoll il-fatt li issa student jista’ jaħdem sa 30 siegħa f’ġimgħa mingħajr ma jitnaqqaslu l-istipendju.
“Jolqtu l-aktar lil dawk l-istudenti li ġejjin minn familji li għandhom dħul baxx, imma aħna kommessi li ngħinu lil kull student u nemmnu li b’dawn l-inizjattivi ġodda li żidna, ħa jkun hemm numru sostanzjali ta’ studenti oħrajn li se jiġu eliġibbli. U, fil-ġimgħat li ġejjin, l-applikazzjoni tagħhom, se tkun aċċettata.”
Il-Ministru Grima qal kif inizjattivi ta’ din ix-xorta jkomplu jikkonfermaw ir-ruħ soċjali ta’ dan il-Gvern, hekk kif l-aġġustamenti ivarjaw bejn €2,550 għal €3,200.
“Rajna li nwessgħu dawk li huma kriterji li huma marbutin mal-eliġibilità ta’ dawn l-istudenti, biex jibbenefikaw minn din l-għajnuna supplimentari. U hemmhekk kellna żieda ’l fuq f’dak li hu l-bracket tad-dħul tal-familja li, minnha, imbagħad wieħed jiddeċiedi jekk l-istudent jibbenefikax minn dan id-dħul supplimentari jew le.”
Waqt iż-żjara tiegħu, il-Ministru Grima kien akkumpanjat mill-Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-MCAST, il-Professur James Joachim Calleja.