Aktar minn 6,700 student qed isegwu kors full-time f’wieħed mit-tliet kulleġġi tal-MCAST. Dan ifisser żieda ta’ 2% meta kkumparat mas-sena akkademika tas-sena 2015. Kienu 3,260 li applikaw biex isegwu kors l-MCAST din is-sena.
Din is-sena l-MCAST fetaħ l-applikazzjonijiet għal 172 kors full-time, li jvarjaw minn korsijiet bażiċi, korsijiet f’livell ta’ degree kif ukoll, għall-ewwel darba, f’livell ta’ Masters. L-akbar numru ta’ studenti ġodda f’dan il-Kulleġġ għażlu korsijiet relatati ma’ servizzi komunitarji, n-negozju l-kummerċ u l-inġinerija u t-trasport. In-numru ta’ studenti li qed isegwu kors f’livell ta’ degree żdiedu wkoll, bin-numru jaqbeż l-1400 student.
Il-Priċipal tal-MCAST u c-CEO, Stephen Cachia, stqarr li l-amministrazzjoni hija sodisfatta b’din iż-żieda fin-numru ta’ studenti li għażlu dan il-kulleġġ għall-istudji tagħhom. Fi kliemu, dan juri li l-MCAST qed toffri edukazzjoni ta’ kwalitá għolja u f’kull livell ta’ studju. Cachia fisser kif l-għan issa huwa li jaraw żieda fir-rati ta’ studenti li jtemmu l-korsijiet b’suċċess.