- 2 deheb, 1 fidda u 2 bronż għal pajjiżna fil-Logħob tal-Mediterran tal-Bowling
It-team tal-bowling li rrapreżenta lil pajjiżna fil-Logħob tal-Mediterran li sar fis-Slovenja, rebaħ żewġ midalji tad-deheb, waħda tal-fidda, u tnejn tal-bronż.
Fil-fatt kienet Sue Abela li rebħet l-akbar ammont ta’ midalji mill-kontinġent Malti. Hija rebħet deheb fis-singles femminili, fidda fil-masters femminili, u bronż fl-all events.
Minbarra hekk, rebħet ukoll midalja tad-deheb fid-doubles femminili flimkien maż-żagħżugħa Sara Xuereb. Mark Spiteri rebaħ midalja tal-bronż fil-masters maskili.
Dan is-suċċess wasal ftit jiem biss wara suċċess ieħor għall-isport tal-bowling, hekk kif Malta rebħet 3 midalji tad-deheb u 6 tal-bronż fl-ewwel edizzjoni tat-Tazza tan-Nazzjonijiet iż-Żgħar tal-Bowling.
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Chris Agius, feraħ lil dan it-tim għall-unuri li rnexxilu jirbaħ.