Matul is-sajf fil-Baħar Mediterran hawn il-bastiment Lundy Sentinel, li huwa bastiment tal-Unjoni Ewropea li jagħmel moniteraġġ lis-sajjieda tar-reġjun.
Id-Direttur tas-Sajd, Gilbert Balzan, qal li dan il-bastiment tal-Unjoni Ewropea jispezzjona dgħajjes Ewropej, inklużi dawk Maltin, kif ukoll opri tal-baħar li ġejjin mill-Afrika ta’ Fuq.
Dan il-bastiment isegwi u jikkontrolla s-sajdiet kollha b’rabta ma’ dak li għandu x’jaqsam mar-regolamenti tal-Unjoni Ewropea dwar il-baħar u s-sajd.
Dan se jwassal biex meta s-sajjieda joħorġu għall-qabda tagħhom, ikunu aktar siguri.
Qal, “… biex tissaħħaħ is-sigurta wkoll, anki fuq il-baħar. B’hekk il-bastimenti Maltin jistgħu jserrħu naqra żgħira rashom li l-qabdiet tagħhom ikunu aktar siguri.”
Id-Direttur tas-Sajd spjega li fuq dan il-bastiment, li qed idur madwar ir-reġjun tal-Mediterran, hemm żewġ spetturi Maltin flimkien ma’ spetturi oħra li ġejjin minn madwar dan ir-reġjun.
Qal, “Hija ferm ta’ importanza għas-sempliċi raġuni, għax dan il-bastiment se jkun 24 siegħa kuljum, se jdur fil-Mediterran. Għandu moniteraġġ anki minħabba l-kontroll tal-VMs, jiġifieri mis-satellita jkun jaf fejn qegħdin il-bastimenti biex b’hekk it-tisħiħ tas-sigurtà kemm għall-bastimenti Maltin, kif ukoll għall-bastimenti Ewropej, ikun hemm it-tisħiħ fil-kontrolli tal-qabdiet tas-sajjieda.”
Dan il-bastiment tal-Unjoni Ewropea jinsab qrib ix-xtut Maltin bis-saħħa tal-insistenza tal-Gvern Malti.