Se nibqgħu naħdmu għal aktar spazji miftuħa f’Għawdex.
Din kienet il-wegħda tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela, f’attività politika s-Sibt filgħaxija fil-Qala.
Hawnhekk Dr Abela fakkar kif Ħondoq ir-Rummien ġie salvat u se jibqa’ mhux mittiefes taħt Gvern Laburista.
“Se ninvestu fil-lokalita’, hawnhekk fil-Qala ukoll. Il-Pjazza sabiħa tagħkom, se naħdmu biex nagħmluha isbaħ u nkomplu nsebħuha bħalma bdejna u nkomplu nagħmlu fi pjazzez oħra madwar il-gzira Għawdxija. Hekk itejjibha il-kwalita’ tal-ħajja b’mod konkret tan-nies, meta ssebbaħ il-postijiet fejn jiltaqgħu n-nies, biex jistrieħu, biex jieħdu pjaċir mall-familji tiegħu ”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Fil-jum li fih tħabbar b’mod uffiċjali t-tim ta’ kandidati kollha li se jirrappreżentaw lill-Partit Laburista fl-elezzjoni tal-kunsilli lokali tat-tmienja ta’ Ġunju li ġej, il-Prim Ministru semma d-differenza bejn iż-żewġ partiti.
“Inthom smajtuhom isemmu proposta waħda li hi waħda li hija għalikom? Ma tarax. Waħda qalu, li fit-8 ta’ Ġunju iridu li l-mappa tinbidel għall-blu ġewwa Għawdex. Smajtuhom. Minn hemm jinteressahom. Dik hi l-viżjoni tagħhom. Il-blu kontra l-aħmar. Ara aħna. Għalina t-tmienja ta’ Ġunju huwa opportunità biex tisilfuna l-fiduċja biex naħdmu għalikom għal Għawdex modern u l-Għawdex li jixraq lilkom.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru temm id-diskors tiegħu f’Għawdex b’dan l-appell.
“Il-kisbit kbar illi ġab dan il-pajjiż fl-aħħar ħdax il-sena kienu kollha bis-saħħa ta’ kull wieħed u waħda minnkom. Għax magħqudin ma hemm xejn li jista jwaqqaf il-kisbiet għal dan il-pajjiż. Għawdex u Malta, Għawdxin u Maltin, il-futur sabiħ. Flimkien se nibqgħu l-pajjiż tas-suċċessi. Fejn l-aspirazzjonijiet ma jibqgħux ħolma, imma jsiru realta’. Magħqudin se nibqgħu nagħtu s-saħħa lill-Qalin, is-saħħa lill-Għawdxin, u s-saħħa lill-Maltin.”
Il-Prim Ministru Robert Abela