Fil-Birgu, ix-xogħlijiet ta’ tisbiħ fi spazji miftuħa, waslu fi tmiemhom filwaqt li se jibda t-tieni proġett kbir, dak ta’ spazju miftuħ ġdid, immexxi mill-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, il-GHRC.
Il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika Glenn Bedingfield, żaru ż-żewġ siti flimkien mar-rappreżentanti tal-GHRC u Ambjent Malta, kif ukoll is-Sindku tal-Birgu, John Boxall.
“Permezz ta’ Ambjent Malta rajna li nagħtu wiċċ totalment ġdid lid-daħla tal-Birgu u hawnhekk, permezz ta’ GHRC, għandek spazju ta’ elf u ħames mitt metru kwadru li kien depot tal-fuel li minflok se jkun qed jinbidel fi spazju rikreattiv, spazju ambjentali, għall-komunità tal-Birgu u Kalkara u tal-madwar.”
Waħda minn dawn iż-żjarat immarkat il-bidu tax-xogħlijiet fuq is-sit li kien jintuża biex jinħażen iż-żejt – żona ta’ elf u ħames mitt metru kwadru li se tinbidel f’ġnien stil Mediterranju mill-GHRC.

L-ispazju se jinkludi pjanti indiġeni, żoni għall-piknik, mogħdijiet għall-mixi, u teatru miftuħ ta’ erba’ mitt metru kwadru għall-attivitajiet. Dan jifforma parti mix-xogħlijiet usa’ ta’ riġenerazzjoni tal-GHRC madwar ix-xatt tal-Kalkara.
Il-Kap Eżekuttiv tal-GHRC, Gino Cauchi, enfasizza d-disinn sostenibbli tal-ġnien. Huwa spjega kif permezz ta’ saff ta’ tmien ċentrimentri ġebel fuq 50 ċentrimentru ta’ ħamrija, qed jitnaqqas it-telf ta’ ilma u jingħata aktar appoġġ lill-pjanti lokali. Dan filwaqt li permezz t’għajn naturali li ġiet skoperta waqt il-proġett tax-Xewkija se tmur dirett f’reservoirs li se jgħinu biex l-ispazju jinżamm b’mod sostenibbli.

Il-Ministru żaret ukoll proġett minn Ambjent Malta fid-daħla tal-Birgu. B’investiment ta’ €230,000 sar it-tqegħid mill-ġdid tal-ħamrija, landscaping u l-installazzjoni ta’ membrane protettiv fuq xelters storiċi taħt l-art.
Dwar dan l-investiment tkellem ukoll is-Sindku tal-Birgu, John Boxall.
“Proġett wieħed lest fl-entratura prinċipali tal-Birgu, fejn tpoġġiet ankra mogħtija b’donazzjoni minn Heritage Malta – li wkoll hawn sar minn Ambjent Malta u llum f’dal-post, din iż-żona se titgawda mir-residenti kollha tal-Birgu, u tisbieħ fil-ġonna tal-madwar, fejn se jitgawda min-nies tal-Birgu u n-nies tal-akwata.”