Qed jissaħħu l-fruntieri esterni tal-Ewropa, issa permezz tal-aġenzija tal-Gwardja Kostali u Fruntieri Ewropej, li tnediet b’mod ufiċċjali fil-Bulgarija.
Dan inqas minn sena wara li l-aġenzija kienet proposta mill-Kummissjoni Ewropea. Mibnija fuq l-istess kunċett tal-Frontex li tħares l-immaniġġjar tal-fruntieri, l-aġenzija se taħdem id f’id mal-Istati Membri, biex ikunu identifikati u indirizzati theddidiet għas-sigurta tal-pajjiżi fiż-żona Schengen.
Din se tiffoka fuq maniġġjar aħjar tal-fruntieri Eworpej esterni, analiżi tar-riskji ta’ influss ta’ immigranti, assistenza teknika lill-Istati Membri, operazzjonijiet ta’ salvataġġ f’ħin qasir, appoġġ lill-gwardji kostali nazzjonali, kif ukoll iktar emfasi fuq ritorn tal-immigranti.
Il-Mandat tal-Aġenzija jippermetti ukoll li din tintervjeni f’sitwazzjonijiet urġenti u tikkordna skont it-talba ta’ kwanlunkwe Stat Membru. Dan jista jsir ukoll abbażi ta’ deċiżjoni mill-Kunsill Ewropew meta l-Istat involut ma jkunx irid jipparteċipa fl-operazzjoni. Għall-Ewwel darba l-aġenzija se tkun tista tixtri l-apparat hi stess biex dawn jinbgħatu lejn il-fruntieri f’każ ta’ emerġenza fi żmien qasir.
Dan filwaqt li grupp ta’ elf u ħames mitt gwardjan se jkun disponibbli biex ikunu evitati nuqqas ta’ uffiċċjali għall-operazzjonijiet. Waqt iċ-ċerimonija tat-tnedija ntwerew l-apparat, rekluti ġodda u vetturi li mistennija jibdew jintużaw waqt l-operazzjonijiet.
Preżenti kien hemm il-Kummissarju tal-Migrazzjoni, Intern u Ċittadinanza Dimitris Avramopoulos, kif ukoll Ministri oħra tal-Intern Ewropej, fosthom dak Malti, Carmelo Abela. Din l-aġenzija hija fergħa waħda mill-miżuri li ssemmew fl-aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, biex tinforza maniġġjar u sigurta aħjar tal-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea.