Is-suġġett tal-Etika nfirex fi tmien skejjel oħra minn din is-sena skolastika biex b’hekk miexi l-pjan li sa ftit snin oħra jkun offrut f ’kull skola u sena fl-iskejjel primarji u sekondarji tal-Istat.
Dan anke għaliex is-suġġett tal-Etika se jkun offrut bħala suġġett tas-SEC O Level minn Mejju 2018. L-iskejjel ntgħażlu wara analiżi ta’ fejn tinstab l-akbar neċessità, filwaqt li ġiet ikkunsidrata d-disponibilità ta’ għalliema mħarrġa fis-suġġett. Is-suġġett tal-Etika iddaħħal fl-2014 bħala alternattiv għas-suġġett tar-Reliġjon skont ir-rakkomandazzjoni tad-dokument Qafas ta’ Kurrikulu Nazzjonali li kien ippubblikat fl-2012.
Dan is-suġġett jikkonċerna l-edukazzjoni morali jiġifieri li jwassal sabiex l-istudenti jgħarrfu l-kultura morali tas-soċjetà li fiha ngħixu, jgħallimhom jirriflettu fuq suġġetti morali, jifhmu, jittolleraw u jagħmlu għażliet f ’sitwazzjonijiet li għad irridu jaffaċċjaw ’il quddiem bħala adulti. Matul is-snin li fihom ġie introdott is-suġġett tal-Etika, it-talba għalih żdiedet u din tista’ titqies bħala indikazzjoni li qiegħed jintlaqa’ tajjeb ħafna mill-komunitajiet tal-iskejjel.
Hekk kif s-suġġett beda jiġi introdott f ’iktar skejjel, in-numru ta’ studenti li qegħdin jagħżluh qiegħed kulma jmur jiżdied. Numru konsiderevoli ta’ ġenituri jixtiequ li uliedhom jistudjaw kemm ir-Reliġjon kif ukoll l-Etika, però l-iskeda tal-lezzjonijiet fl-iskejjel ma tagħtix spazju sabiex dan issir. Żdiedu wkoll t-tfal ġejjin minn familji barranin li ma jħaddnux ir-reliġjon Kattolika. Kull sena jiġu mħarrġa madwar 30 għalliem mill-Fakultà tal-Edukazzjoni. Wara dan il-kors ta’ sena jkunu kwalifikati sabiex jgħallmu s-suġġett.