B’investiment ta’ aktar minn disa’ mitt elf ewro, kofinanzjati minn fondi Ewropej, tpoġġew erba’ Automated Border Control Gates fl-ajruport.
Dawn il-bibien li l-passigiera jgħaddu biex jitilqu u jiġu minn pajjiżna, ser iwasslu għal immaniġjjar aktar sigur u strett fl-Ajruport Internazzjonli ta’ Malta.
Waqt żjara fil-mitjar Malti, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri spjega kif dan l-investiment huwa xhieda oħra ta’ kif minkejja l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija r-ritmu tax-xogħol ma waqafx, fost oħrajn b’rabta mas-sigurtà tal-pajjiż.
Il-Ministru Camilleri stqarr: “Qed nassiguraw li filwaqt li nkunu siguri anke fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, naraw ukoll x’faċilità l-ivvjaġġar lejn iż-żona Schengen.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal li permezz ta’ dan l-investiment, pajjiżna se jkun qed isaħħaħ aktar is-sigurtà hekk kif din it-teknoloġija se tassisti lill-pulizija u uffiċjali tal-immigrazzjoni f’xogħolhom.
Huwa qal, “F’dan ir-rigward, dan il-proġett li jikkonċerna d-dħul u l-ħruġ minn pajjiżna permezz ta’ mezzi aktar teknoloġiċi li jkomplu jgħinu biex nissalvagwardja s-sigurtà u nsaħħu dan il-qasam tant importanti għal pajjiżna.”