Tfal li jattendu l-Iskola Primarja ta’ Ħal Safi qed igawdu minn ambjent isbaħ b’aktar siġar u pjanti madwar il-klassijiet tagħhom hekk kif il-Kunsill Lokali lesta proġett ta’ tisbiħ bl-għajnuna t’ Ambjent Malta u Project Green.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli u l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima ħabbru t-tlestija ta’ dan il-proġett waqt żjara lill-istudenti u l-għalliema ta’ din l-iskola.
Din l-inizzjattiva ambjentali hija fost 11-il proġett f’diversi lokalitajiet f’Malta u Għawdex li qed jibbenefikaw mill-Urban Greening Scheme li nieda l-Ministeru għall-Ambjent, Enerġija u Intrapriża s-sena li għaddiet, b’investiment totali ta’ €700,000 minn Ambjent Malta u Project Green.
Permezz tal-proġett f’Ħal Safi, il-ġnien tal-Iskola Primarja fi ħdan il-Kulleġġ San Benedittu issa għandu 132 iktar siġar u pjanti indiġeni, fosthom bruka, ċipress, widnet il-baħar u deru.
L-istudenti u l-għalliema ser ikomplu jieħdu ħsieb dan l-ispazju ħadrani bħala parti mill-programm edukattiv tagħhom. Fil-fatt, din iż-żona issa għandha tabelli b’tagħrif dwar is-siġar u l-pjanti fl-istess ġnien, biex it-tfal jitgħallmu aktar dwarhom. Il-proġett kien jinkludi wkoll l-installazzjoni ta’ sistema t’irrigazzjoni awtomatika biex is-siġar u l-pjanti jissaqqew skont il-bżonn.
Il-Ministru Miriam Dalli spjegat kif din l-iskema li bbenefikat minnha l-Iskola Primarja ta’ Ħal Safi bl-għajnuna tal-Kunsill Lokali hija waħda mill-inizjattivi tal-Gvern biex jinkoraġġixxi l-komunitajiet jinvestu f’ambjent isbaħ f’kull lokalità.
“Qed naħdmu id f’id ma’ diversi Kunsilli Lokali, entitajiet governattivi u għaqdiet mhux governattivi biex nagħtu nifs ġdid lill-ġonna u l-ispazji ħodor li għandna madwarna, waqt li noħolqu oħrajn ġodda. Proġetti bħal dan fi skola primarja huma ferm aktar għal qalbna għaliex jgħinu biex ħafna tfal żgħar jersqu eqreb lejn in-natura,” qalet il-Ministru Dalli.
Il-Ministru Clifton Grima tkellem dwar l-importanza tal-ħidma li qed issir bejn ministeri u entitajiet differenti li qed tħalli ġid fis-sistema edukattiva. “Illum qed inżuru proġett ieħor li jmiss mal-importanza tal-ambjent fis-settur edukattiv. Qed inkomplu naħdmu biex mhux biss nirriġeneraw l-ispazji fl-iskejjel tagħna, imma qed nagħmlu dan bi ħsieb, biex insebbħu l-ambjent u biex inkabbru l-għarfien tal-importanza tal-ambjent ta’ madwarna fl-istudenti tagħna”, qal il-Ministru Grima.
Preżenti għal din iż-żjara kien hemm il-Kap tal-Iskola Primarja ta’ Ħal Safi Michelle Spiteri, il-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green Steve Ellul u d-Direttur Ġenerali ta’ Ambjent Malta Herman Galea, flimkien mal-Kunsill Lokali ta’ Hal Safi mmexxija mis-Sindku Johan Mula.
L-Urban Greening Scheme ta’ Project Green u Ambjent Malta tinkludi diversi proġetti ambjentali f’għadd ta’ lokalitajiet oħra, fosthom Għajnsielem, ir-Rabat (Malta), il-Ħamrun, Raħal Ġdid u ż-Żejtun.