Qrib 40 siġra tħawlu fis-Salina mill-impjegati ta’ kumpanija ewlenija tat-telefonija, hekk kif dawn offrew ħinhom u flushom sabiex iwettqu xi ħaġa tanġibbli b’risq l-ambjent.
Din l-attività fil-Park tan-Natura tas-Salina, organizzata biex tikkoinċidi mal-Ġimgħa Ewropea għall-Iżvilupp Sostenibbli, hija marbuta ma’ wieħed mill-proġetti tal-Fondazzjoni Melita, ċjoè li tiffinanzja t-tħawwil ta’ 1,000 siġra permezz tal-Proġett Saġġar.
Saġġar huwa proġett bil-mira li jinżergħu u jitħawlu miljun siġra u arbuxxell indiġeni, u li jiġu rijabilitati riżervi ekoloġiċi, art pubblika u artijiet privati.
Il-biċċa l-kbira tas-siġar żgħar li tħawlu fil-Park Naturali tas-Salina huma Tamarix Africana, jew Bruka bil-Malti – li huma indiġeni għall-gżejjer Maltin. Dawn is-siġar huma addattati sew għall-inħawi tas-Salina, bl-ilma salmastru li hemm. Fis-sajf, meta l-kontenut tal-melħ fl-ilma jkun għoli ħafna, jassorbu l-ilma mill-għeruq u jarmu l-melħ mill-weraq.
Is-siġar tal-park se jipprovdu l-ħabitat perfett għad-diversi għasafar residenti u migratorji li jagħżlu li jistrieħu u jbejtu fir-riżerva naturali, filwaqt li fl-istess ħin se jħarsu lill-għasafar mit-tniġġis tad-dawl u tal-ħsejjes mit-toroq u l-bini tal-madwar.