Id-Deputat Nazzjonalista u wieħed mill-ftit persuni qrib il-Kap Nazzjonalista, Hermann Schiavone, kien kostrett itella’ fuq Facebook għadd ta’ dikjarazzjonijiet ta’ Kumitati Sezzjonali tal-Partit jiddikjaraw li qegħdin jappoġġjaw lil Adrian Delia.
Schiavone uża l-Facebook biex jipprova juri l-appoġġ li għandu Delia fil-Partit, ftit minuti biss wara li One News żvela ittra li ġiet illikjata li kien imġiegħel jagħmel il-Kumitat Sezzjonali tal-Belt Valletta, u recording li ġie illikjat minn laqgħa tal-Kumitat Sezzjonali tar-Rabat li fiha l-membri tal-kumitat ntalbu jiddikjaraw l-appoġġ tagħhom lejn Delia. Kif anki tikkonferma r-recording, il-kumitati sezzjonali kollha intalbu jagħmlu din id-dikjarazzjoni.
Dawn qegħdin ikunu mġiegħla minn Jean Pierre Debono li huwa l-Kordinatur Politiku u li għamel minn kollox biex Delia jilħaq Kap, sabiex jiltaqgħu u jiddikjaraw li qegħdin jappoġjaw lill-kap.
It-Times of Malta wkoll irrapurtat li l-kumitati sezzjonali u l-membri tal-Partit Nazzjonalist qegħdin ikunu mġiegħla mid-Dar Ċentrali, jiddikjaraw l-appoġġ tagħhom lejn Delia.
Kunsillier Nazzjonalista li tkellem mat-Times qal li b’din il-ħidma orkestrata, dawk qrib Delia qegħdin jagħtuh l-impressjoni li għadu jgawdi l-appoġġ fil-Partit.
L-istess kunsillier qal lit-Times, tista tobsor x’ġejjini jista’ jkolli fil-Partit, jekk ngħid li Delia għandu jirriżenja?
Żied li jekk il-klikka ta’ Delia trid tkun taf jekk il-kap igawdix l-appoġġ, għandha tlaqqa’ kunsill ġenerali urġenti u tagħmel votazzjoni sigrieta.
Filwaqt li kunsillier veteran fil-Partit Nazzjonalista qal lit-Times li Adrian Delia m’għandux ċans jirbaħ l-Elezzjoni Ġenerali.
Intant, ONE News jista’ jiżvela l-manuvri li qegħdin isiru mid-Dar Ċentrali biex iġiegħlu lill-kumitati sezzjonali jiddikjaraw l-appoġġ tagħhom lejn Adrian Delia.
ONE News jista’ jiżvela li l-kumitat sezzjonali ta’ Ħal Balzan m’għamel l-ebda laqgħa li fiha seta’ jiddiskuti l-kriżi li jinsab fiha l-partit bħalissa. Iżda Andre Grech, persuna qrib Adrian Delia, ħareġ jgħid li Delia għandu l-appoġġ tal-Kumitat sezzjonali ta’ Ħal Balzan.
Mill-ewwel wieġbu attivist Nazzjonalista minn Ħal Balzan, Matthew Borg Cardona, li qallu li Ħal Balzan mhux jappoġja lil Delia u ma jridx kap tax-xorta tiegħu.
Antoine Vella, attivist Nazzjonalista qrib il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, kiteb lil Andre Grech – “Issa naraw fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali x’jaħsbu r-residenti nazzjonalisti ta’ Ħal Balzan dwar is-sitwazzjoni fil-Partit Nazzjonalista”.
Sorsi li tkellmu ma’ ONE News, qalulna li anki l-kumitat sezzjonali ta’ Tas-Sliema ma riedx jiddikjara l-appoġġ lejn Delia. Messaġġ illikjat juri kif kanvasser ta’ Delia, Anton Debono, kien imġiegħel jibgħat lill-membri tal-kumitat ta’ Tas-Sliema sabiex jisfurzahom, jiddikjaraw l-appoġġ tagħhom lejn Adrian Delia. Bit-tentattiv ewlieni jkun li Adrian Delia jsalva ġildu u jibqa’ Kap tal-Partit.