Id-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali beda sensiela ta’ sessjonijiet fl-iskejjel waqt Skolasajf bil-għan li jkompli jqajjem aktar għarfien dwar il-ħarsien u trattament xieraq tal-annimali. Fl-ewwel sessjoni li ttellat fil-Kulleġġ Maria Reġina fil-Mellieħa, it-tfal kellhom l-opportunità li jitgħallmu aktar dwar ix-xogħol tad-Direttorat.
Waqt din is-sessjoni, is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri flimkien mal-uffiċjal tad-Direttorat tennew l-importanza li jkunu l-istess tfal illi jkunu l-ambaxxaturi u l-vuċi tal-annimali, u filwaqt li għandhom jaraw li kull annimal ikun trattat b’mod xieraq, iwasslu l-messaġġ illi meta jiltaqgħu ma’ sitwazzjonijiet fejn ikun hemm annimali li għandhom bżonn xi forma ta għajnuna, għandhom b’mod immedjat iċemplu lid-Direttorat fuq in-numru 1717.
Is-Segretarju Parlamentari feraħ ukoll lill-għalliema u studenti tal-iskola fejn ftit tal-ġranet ilu sabu żewġt ifrieħ ta’ qtates u dawn ħadu ħsiebhom sakemm eventwalment ġew adottati. “Kunu intom il-vuċi tal-annimali u mexxu l-messaġġ fost il-familji u l-ħbieb tagħkom li l-annimali għandhom jingħataw l-imħabba kollha u meqjusa bħala parti integrali mill-familji tagħkom,” tenna s-Segretarju Parlamentari Camilleri hekk kif sostna li hija ħaġa ferm pożittiva li l-gvern u l-oppożizzjoni qed jaħdmu id f’id biex ikomplu jtejbu l-miżuri favur l-annimali b’mod ġenerali.
F’din l-attività tħabbar ukoll illi d-Direttorat tal-Ħarsien Xieraq tal-Annimali ser ikun qiegħed iniedi kompetizzjoni fejn tfal jistgħu jiktbu poeżija dwar is-suġġett u numru minnhom ser ikunu pubblikati ġo ktejjeb magħmul apposta bħala parti minn materjal edukattiv għat-tfal.