Il-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali nieda proċess li se jara l-ħolqien ta’ Care Plan biex jgħin lil min jiġi bżonn l-akkomodazzjoni soċjali.
Il-Ministru responsabbli mis-settur, Roderick Galdes, spjega li din hija miżura oħra ta’ għajnuna, apparti l-bini ta’ aktar minn elf u seba’ mitt appartament ta’ akkomodazzjoni soċjali ġdid.
Il-Ministru Galdes stqarr, “Madankollu ma jfissirx li se ssolvi l-problemi tan-nies billi tagħtihom ċavetta. Anzi dak li għidna u ilna ngħidu wkoll, il-housing soċjali m’għandux biss ikun it-tqassim taċ-ċwievet imma wkoll li jkollok care plan u sistema li tgħin nies li jfittxu l-ħiliet tagħhom biex jagħmlu kambjament anki fil-mobilità soċjali tagħhom.”
F’konferenza stampa bit-tema “Iktar minn Saqaf”, il-Ministru kompla jispjega li inizjattivi bħal dawn jgħinu mhux ftit lil dawk li jingħataw akkomodazzoni soċjali.
Il-Ministru rrimarka, “Dak li qed tagħmel l-awtorità huwa li tipprepara lin-nies li jkunu se jidħlu fl-akkomodazzjoni soċjali biex anki hemmhekk tgħid lill-individwi b’mod individwali.”
Tkellem ukoll id-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà Andrew Azzopardi, li spjega kif l-Universtità se tipparteċipa f’dawn l-istudji bil-għan li jinħoloq pjan t’għajnuna adattat għar-realtajiet fis-settur.