Id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li fl-aħħar jiem ġie ppubblikat avviż legali li se jkun l-ewwel pass għal aktar servizzi tas-saħħa b’xejn għal persuni transgender.
Id-Deputat Prim Ministru qal dan waqt li kien qed jindirizza seminar organizzat mill-MUMN bit-titlu ‘Looking at health through the gender kaleidoscope’.
L-avviż legali ppubblikat Avviż Legali 44 tal-2018 qed jemenda l-ħames skeda li tinsab mal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali. Permezz ta’ dan l-avviż legali, persuni transgender se jkunu intitolati għal terapiji relatati mal-identità tal-ġeneru mingħajr ħlas.
Fil-fatt, permezz ta’ dan l-avviż legali, iddaħħlet fl-iskema ħamsa, (kartuna s-safra), il-kundizzjonijiet relatati mal-identità tal-ġeneru u mal-karatteristiċi tas-sess.
“Fil-ġimgħat li ġejjin se nkunu qed inniedu dokument dwar servizzi għal kundizzjonijiet relatati mal-identità tal-ġeneru u mal-karatteristiċi tas-sess. Dan il-pjan li se nkunu qed nippubblikawh għal konsultazzjoni pubblika se jkun qed jiffaċilita l-aċċess għat-trattamenti għal persuni transgender”, qal id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.