Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne inawgura l-berġa tas-saħħa rinovata fil-Mellieħa li apparti servizzi tradizzjonali ta’ tobba, infermiera u saħħa mentali, se tibda’ toffri fost l-oħrajn estensjoni fis-servizz tal-patoloġija tal-lingwa mitkellma biex tkopri klijenti transgender.
Is-servizz ġdid tal-podjatrija se jkopri mhux biss residenti tal-Mellieħa imma wkoll dawk tal-Qawra, San Pawl il-Baħar u l-inħawi tax-Xemxija.
Bħalu jkun offrut ukoll servizz ta’ fizjoterapija, wara li kient introdott għall-ewwel darba fil-berġa tas-saħħa taz-Zejtun f’Ottubru. Fl-istess ħin, tim multidixxiplinarju tal-Kura tas-Saħħa Primarja se joffri perspettiva ħolisitka dwar l-obeżità.
L-ispiża fuq ir-rinovar tal-berġa laħqet iċ-ċifra ta’ madwar €10,000.
“Hija l-politika tal-Gvern li nkomplu nagħtu kemm nistgħu servizzi barra l-isptarijiet tagħna u izjed viċin in-nies. Dan iċ-ċentru fil-Mellieħa se jkunu qed jingħataw seba’ servizzi fosthom ta’ saħħa mentali, fizjoterapija, podjatrija u speech language pathology biex nilqgu firxa wiesa ta’ nies f’din il-lokalità. Aħna qed nistmaw li kull sena se jkunu qed jieħdu servizz mill-berġa l-ġdida tal-Mellieħa madwar 25,000 ruħ.” Stqarr id-Deputat Prim Ministru.