Ġie mniedi servizz ġdid fi ħdan l-Aġenzija għas-Sapport tal-Vittmi tal-Kriminalità.
Persuna fi kwalunkwe tip ta’ relazzjoni, kemm jekk kopja miżżewġa, f’ għerusija, f’koabitazzjoni jew f’unjoni ċivili, tista’ tistħarreġ dwar jekk il-parti l-oħra, qattx instabet ħatja ta’ reati ta’ vjolenza domestika.
Dan qed isseħħ b’rabta ma’ abbozz ta’ liġi, dwar il-prevenzjoni tal-vjolenza domestika li għadda unanimament fil-Parlament aktar kmieni din is-sena.
Din kienet ukoll parti mill-elf proposta li ppreżenta l-Partit Laburista fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet, permezz tal-manifest Malta Flimkien.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Gvern fejn fiha l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri, qal li minkejja li l-Aġenzija għall-Vittmi tal-Kriminalità, permezz ta’ dan is-servizz, mhijiex se tindaħal fir-relazzjonijiet personali, din se toffri l-għodda li wieħed jista’ jieħu biex jipprevjeni kwalunkwe każ ta’ vjolenza domestika.
Żied jgħid li naturalment, din l-informazzjoni se tingħata biss lill-persuna li tkun f’relazzjoni mal-persuna li ssir ir-riċerka dwarha, u li din l-informazzjoni mhux se tingħata lil persuni terzi.
Qal, “Il-Victim Support Agency se tkun qed tirċievi talba minn dawn il-persuni, tivverfika jekk hemmx verament relazzjoni, bejn il-persuna li għamlet it-talba u l-persuna li qed titlob l-informazzjoni fuqha, u ladarba dik l-informazzjoni tkun verifikata, se tingħata twissija lil dak jew dik il-persuna, dwar il-passat ta’ dik il-persuna li tkun f’relazzjoni magħha.”
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, Rebecca Buttigieg rabtet dan, mal-ħidma ta’ Gvern Laburista f’dan il-qasam. Fost l-oħrajn Buttigieg semmiet it-taqsimiet miżjuda fil-korp tal-Pulizija, l-iffirmar tal-konvenzjoni Istanbul, il-liġi tal-femiċidju, u għajnuna legali għall-vittmi tal-vjolenza domestika.
Stqarret, “Il-vjolenza domestika hija prijorità assoluta għal dan il-gvern, u proprju numru ta’ inizjattivi li ħadna fosthom, iffirmajna l-konvenzjoni ta’ Istanbul, saħħaħna il-korp tal-Pulizija, saħħaħna wkoll ir-riżorsi tal-ġudikatura u saħansitra għamilna l-Kummissarju għall-Vjolenza Domestika minn part time għal full time.”
Preżenti għal din il-konferenza tal-Aħbarijiet kien hemm il-Kummissarju dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika u l-Ispettur li tmexxi l-Aġenzija għas-Sapport tal-Vittmi tal-Kriminalità, Silvana Gafà.