- PARTIT LABURISTA FIL-GVERN JARA LI L-PENSJONI MINIMA NAZZJONALI TIŻDIED GĦAL 60% TAD-DĦUL MEDJU NAZZJONALI
Il-Prim Ministru Joseph Muscat dalgħodu spjega dak li ġie mwettaq s’issa b’rabta mal-pensjonijiet u dak li lest iwettaq Partit Laburista fil-Gvern.
Fakkar li taħt amministrazzjoni Laburista żdidet l-ogħla pensjoni minima kontributorja b’mill-anqas €11.00 fil-ġimgħa għal €140, minbarra l-COLA. Il-pensjoni minima għall-koppji żdiedet b’ €6.40ċ fil-ġimgħa, minbarra l-COLA, waqt li saret riforma fl-għajnuna supplimentari għall-miżżewġin bi dħul baxx.
Għal dawk li jirċievu l-pensjoni tas-servizz, żdied l-ammont mhux imnaqqas mill-pensjoni tas-sigurtà soċjali bi €800 f’erba’ snin. Ir-romol ingħataw id-dritt li jaħdmu u jżommu pensjoni sħiħa. Dawk li kellhom bolol biżżejjed ingħataw il-pensjoni sħiħa ta’ żwieġhom.
Ingħata dritt lill-persuni ta’ bejn 59 u 65 sena li jħallsu kontribuzzjonijiet nieqsa (sa massimu ta’ 5 snin) biex ikunu eliġibbli jew itejbu l-pensjoni. Il-ġenituri li jieqfu mix-xogħol għal ċertu żmien biex jieħdu ħsieb uliedhom qed jibbenefikaw minn krediti tal-bolla.
Il-Prim Ministru u mexxej Laburista spjega li tjiebet il-pensjoni għall-persuni li wara snin impjegati jispiċċaw bħala self-employed u tneħħiet d-diskriminazzjoni bejn in-nisa u l-irġiel fil-pensjoni. Ingħataw krediti ta’ bolla għall-perjodi ta’ studju lil min jiggradwa f’livelli MQF 5 sa 8.
Ingħataw inċentivi biex aktar individwi jitħajru jinvestu f’pensjoni privata u tneħħiet it-taxxa fuq il-pensjoni sa €13,000 fis-sena. B’kollox madwar 65,000 pensjonant gawdew minn żidiet sostanzjali fil-pensjoni jew fil-benefiċċji minbarra l-COLA. Pensjonanti ngħataw iż-żieda maqbula fil-ftehim fuq il-paga minima. L-implimentazzjoni gradwali ta’ din il-miżura se tgħin biex ikun żgurat li l-Pensjoni Minima Nazzjonali tiżdied għal 60% tad-dħul medju nazzjonali.
Il-mira hi li ħafna pensjonanti jingħataw żieda ta’ €8 fil-ġimgħa.
Partit Laburista fil-Gvern ikompli jibni fuq ir-riforma mibdija fl-2016 li wasslet għal żieda fil-pensjonijiet għall-ewwel darba f’25 sena. Tkompli tkun żgurata sostenibilità, billi primarjament inkomplu jkunu inċentivati aktar nies jaħdmu, mingħajr ma tiżdied l-età statutorja tal-irtirar jew ir-rata tal-kontribuzzjonijiet soċjali.
Jekk ikun elett Gvern Laburista ġdid, tingħata garanzija li l-bonus għall-għoli tal-ħajja jibda jitħallas sħiħ inkluż lil dawk li saru pensjonanti wara l-2008.
Gradwalment tingħata l-pensjoni sħiħa lir-romol kollha meta dawn jilħqu l-età tal-irtirar. Ikomplu jitjiebu l-pensjonijiet tas-servizzi billi l-parti li jkunu ikkomputaw biex jieħdu s-somma tibda tkun injorata kollha, għall-fini ta’ pensjoni tas-sigurtà soċjali.
Tidħol l-opportunità li l-pensjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-pulizija, suldati u protezzjoni ċivili tibda tinħadem fuq l-ogħla dħul preżenti jekk huwa ogħla minn dak li kellhom fis-servizz, jew bil-maqlub. Tingħata pensjoni tal-invalidità sħiħa lill-persuni li jkunu ġew iċċertifikati b’mard terminali.
Jidħlu emendi legali li jassiguraw li f’każi ta’ separazzjoni, divorzju jew tmiem ta’ koabitazzjoni, jipproteġu d-drittijiet għall-pensjoni tal-konjuġi (jew partners) li jkunu qattgħu żmien barra d-dinja tax-xogħol biex jieħdu ħsieb il-familja.
Partit Laburista fil-Gvern jagħtu l-opportunità lil min għandu aktar minn impjieg part-time u m’għandux full-time li jkun jista’ jħallas bolla fuq aktar minn part-time wieħed sa 40 siegħa xogħol fil-ġimgħa.
Dan ghandu jgħin lill-ħaddiema għall-pensjoni filwaqt li jnaqqas drastikament l-abbuż. Fl-istess waqt, Gvern Laburista ġdid ikompli jaħdem fuq il-proġett li beda matul l-erba’ snin li għaddew, fejn ingħaraf il-bżonn li jitjieb il-potenzjal ta’ tfaddil għall-pensjonijiet privati billi daħlu diversi inċentivi.
F’dan il-kuntest, se jissaħħaħ wkoll dan l-inċentiv billi jkun irdupjat l-ammont tal-kontribuzzjoni għal €2,000 biex b’hekk it-tax credit massimu jiżdied għal €300.
Amministrazzjoni Laburista tnaqqas ir-rata tal-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali għal waħda prorata u mhux aktar kontribuzzjoni sħiħa għall-pensjonanti ta’ anqas minn 65 sena u li jibqgħu jagħmlu xogħol għal rashom.
Ikun żgurat il-prinċipju li l-ebda taxxa ma titħallas fuq l-ebda pensjoni sa massimu ta’ €13,000.
Pensjonijiet tal-Korpi
Il-gruppi ta’ ħaddiema identifikati li se jkunu qed jidħlu f’din l-iskema huma kif ġej:
- Eks ħaddiema tal-korpi li kienu qed jagħtu servizz ma’ dipartimenti tal-Gvern qabel l-1979, iżda li kienu bdew jagħmlu parti mis-servizz pubbliku wara Jannar tal-1979
- Eks ħaddiema tax-xatt li kellhom liċenzja biex jaħdmu bejn l-4 t’April 1973 u l-1 ta’ Ġunju 2007
- Uffiċjali tal-korp tal-pulizija fir-ranks ta’ kuntistabbli, surġent jew surġent maġġur li ma tħallsux għall-overtime li għamlu bejn l-1 ta’ Jannar 1993 u l-31 ta’ Diċembru 2009
- Eks ħaddiema tal-Malta Electricity Board Possibbilità ta’ ħaddiema oħra
L-applikazzjonijiet għall-iskemi ġew ippubblikati fuq il-Gazzetta tal-Gvern tat-Tlieta 2 ta’ Mejju 2017 u se jibqgħu miftuħin għal perjodu ta’ sitt ġimgħat sad-9 ta’ Ġunju 2017 filwaqt illi se jkunu miftuħa wkoll għall-werrieta ta’ dawk il-benefiċjarji li mietu.
Il-Prim Ministru qal li b’hekk qed ikun żgurat li l-ġid jitqassam u jasal għal kulħadd. Huwa programm maħsub bid-dettalji b’kollox. “L-affarijiet huma lesti, dan huwa Gvern li lest ikompli jigverna lejn l-aqwa żmien ta’ pajjiżna” temm jgħid il-Prim Ministru
[pdf-embedder url=”http://www.one.com.mt/wp-content/uploads/2017/05/PRES-DAY-06-vFINAL.pdf” title=”PRES DAY 06-vFINAL”]