Wieħed u tletin ristorant lokali ġew rikonoxxuti mill-Michelin Guide, li ta’ kull sena tirrikonoxxi l-kwalità u l-ħiliet kulinajri tal-aqwa ristoranti fid-dinja.
Fost l-oħrajn din is-sena ħames ristoranti reġgħu kisbu t-titlu prestiġjuż ta’ “One-MICHELIN Star Status”. Dawn huma Under Grain, Noni, ION-The Harbour, De Mondion, u Bahia, kif ukoll ir-ristoranti taħt il-kategorija ta’ “Bib Gourmand”: Grain Street, Terrone, Rubino, u Commando.
Tkellimna ma’ Victor Borg, li huwa x-Chef Eżekuttiv ta’ ristorant li għal sena oħra rċieva l-Michelin Star. Huwa spjega kif l-ispetturi tal-Michelin jinżammu anonimi u allura l-iktar ingredjent importanti biex ristorant jirċievi dan l-unur huwa l-konsistenza.
Borg tenna, “Irid ikollok standard għal kollox, dak kollu li nagħmlu jrid ikollok standard. Kif tilqa’ lin-nies meta jiġu u jiġu biex jitilqu, ovvjament l-ikel, riċetti, l-istandard tas-servizz ikun hemm sekwenza, għax inti qatt ma tista’ tgħid, inti dejjem under pressure biex ngħidu hekk li dan jista’ jkollok inspector illejla li ma tkunx taf bih.”
Waqt il-preżentazzjoni uffiċjali ta’ dawn il-premjijiet, iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Gavin Gulia, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-mod kif, kull ma jmur, il-preżenza ta’ ristoranti lokali fil-Michelin Guide qiegħda tiżdied.
Il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, saħaq li s-settur tal-istabbilimenti tal-ikel f’pajjiżna huwa ta’ reklam turistiku għall-prodott li pajjiżna għandu x’joffri f’għadd ta’ ristoranti.
Bartolo qal, “Wara illi kellna żmien il-Għid li kien wieħed bieżel u li juri li l-irkupru tas-settur turistiku miexi b’mod tajjeb ħafna, issa llum kien imiss li naraw li r-ristoranti ta’ pajjiżna jkomplu jtejbu l-kwalità tas-servizz u l-prodotti li joffru filwaqt li jkomplu jiddiversifikaw ukoll fuq dak li jkunu qiegħdin joffru lil dawk kollu li jżuruhom.”