Il-proċess ta’ konsultazzjoni li imbarka fuqu l-Gvern rigward il-proposta għal-liċenzjar tal-kuntratturi qiegħed ikompli jintlaqa’ tajjeb minn partijiet differenti tal-komunità.
Ma’ dan l-istazzjon, kemm il-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji kif ukoll il-General Workers’ Union aċċennaw għall-importanza li din it-tip ta’ liċenzja se jkollha fi ħdan is-settur tal-kostruzzjoni; liċenzja li se twassal għal xogħol ta’ standard u kwalità aħjar.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji, Abigail Mamo, innutat ukoll li, minkejja li dan il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika nbeda biss ftit tal-jiem ilu, il-Gvern diġà għamel eżerċizzju ta’djalogu soċjali mal-imsieħba soċjali, anki qabel din il-pubblikazzjoni.
“Id-draft law li hemm bħalissa mhux l-ewwel darba li smajna biha, jiġifieri dan ix-xogħol ilu għaddej u aħna diġà konna parteċipi fih. Tajna l-ewwel feedback, ingħatatilna preżentazzjoni biex, ovvjament, illum hemm draft law li tagħmel sens għal kulħadd. Aħna nilqgħuha ħafna, nilqgħu l-iskop ta’ din id-draft law, u naħsbu li hija bżonnjuża ħafna.”
Anki s-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union, Josef Bugeja, tkellem dwar l-importanza u l-bżonn li jsir dan it-tibdil li qed jipproponi l-Gvern.
“Minħabba l-fatt li rridu ntejbu l-kwalità tas-settur, ma jistax ikollok il-kuntratturi kollha li jagħmlu xogħol differenti imma ħadd minnhom ma hu liċenzjat.”
Ma’ dan kompliet Abigail Mamo, li nnutat ukoll li din il-liċenzja fil-qasam tal-kostruzzjoni se tiżgura kundizzjonijiet ekwi u serji bejn il-kuntratturi.
“Ovvjament, naraw li l-istandard tal-kostruzzjoni u x-xogħlijiet li jmissu mal-kostruzzjoni għandu bżonn jiżdied f’Malta, għandu bżonn livell ta’ serjetà ikbar. Għaldaqstant, aħna li nirrappreżentaw lin-negozji nieħdu gost biha għax min hu serju, min jagħmel l-affarijiet sew għandu jikkompeti ma min hu serju bħalu.”
Ma’ dan qabel is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union, li qal li l-unjin se tkun qed tipparteċipa bis-sħiħ fil-konsultazzjoni pubblika.
“Rajna tliet aspetti li huma importanti ħafna għalina. Wieħed huwa l-liċenzjar u d-diviżjoni tax-xogħlijiet li se jsiru. L-ieħor huwa s-saħħa u s-sigurtà tal-impjegati – l-assikurazzjoni li qed tingħata li kull min iħaddem irid ikollu assigurazzjoni fuq l-impjegati, u wkoll iċ-ċertifikazzjoni u l-apparat kollu li qed jintuża biex verament intejbu l-kwalità tal-industrija u tal-impjegati li jaħdmu fiha.”
Kemm is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union kif ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji rriflettew fuq kif huwa biss permezz ta’ djalogu soċjali sħiħ, bil-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali kollha, li l-Gvern ikun jista’ joħroġ bl-aqwa regolamentazzjoni biex jintlaħqu l-għanijiet li jridu jintlaħqu bil-liċenzjar f’dan is-settur.
Il-perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika jagħlaq fil-21 ta’ April.