Is-settur tal-edukazzjoni f’pajjiżna jinsab għaddej minn diversi riformi bil-għan li l-istudenti Maltin u Għawdxin, irrelevanti l-livell tagħhom, ikomplu jirnexxu fl-istudji tagħhom.
B’reazzjoni għal stqarrija ppubblika minn grupp ta’ erbatax-il organizzazzjoni tat-tfal, bl-isem ta’ MaltaCAN, li talbu għal riforma ħolistika f’dan is-settur.
Dan fid-dawl li l-aħħar ċifri maħruġa mill-uffiċċju taċ-Ċertifikat tal-Edukazzjoni Sekondarja u Matrikola, il-MATSEC, urew li numru sinifikanti ta’ studenti, li poġġew għall-eżamijiet tas-SEC, m’għaddewx.
Kelliem għall-Ministeru responsabbli mis-settur edukattiv, saħaq ma’ dan l-istazzjon li s-settur edukattiv diġà jinsab għaddej minn tiġdid u riforma sħiħa li fiċ-ċentru tagħhom hemm l-istudent u l-edukatur.
Hawnhekk ġie nnotat kif fil-ġimgħat li għaddew tniedew diversi strateġiji li, fost oħrajn, iħarsu b’mod dettaljat dwar il-kwalità tal-edukazzjoni u t-tisħiħ tal-politika edukattiva, filwaqt li fil-jiem li ġejjin se tkun imnedija wkoll strateġija oħra li tiffoka fuq it-Tagħlim Tul il-Ħajja.
Minbarra dan, tnediet ukoll strateġija li tħares b’mod dettaljat il-ħidma ‘l quddiem biex ikomplu jinkisbu r-riżultati fost studenti li jitilqu b’mod bikri mill-edukazzjoni u t-taħriġ.
Dawn kollha huma parti mill-viżjoni tat-tiġdid fis-settur li se jingħaqdu flimkien fl-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni, li qed tkun imfassla mill-qiegħ bis-sehem attiv tal-edukaturi kollha u tal-imsieħba soċjali fis-settur.
L-istrateġija se jkollha diversi pilastri, fosthom il-benesseri tal-istudenti, l-inklużjoni u l-kisba akkademika, u l-bżonnijiet tal-istudenti fuq bażi individwali.
Fl-aħħar nett, il-kelliem stqarr li l-Ministeru jibqa’ jemmen bis-sħiħ fl-edukaturi u jibqa’ jappoġġjahom fix-xogħol kbir u b’dedikazzjoni li jwettqu biex jinkisbu r-riżultati.