Investiment ta’ mija u ħamsa u għoxrin elf ewro, kofinanzjati minn Fondi Ewropej, se jara aktar riċerka fill-programm Y-Assist immexxi mill-Malta Trust Foundation.
Il-programm beda fl-elfejn u sbatax u joffri għajnuna lil ommijiet u tfal żgħar, li tvarja minn servizzi ta’ edukazzjoni sa anki tipprovdi saqaf fuq ras dawn l-individwi meqjusa bħala vulnerabbli minħabba l-isfidi li jkunu għaddejjin minnhom.
Permezz tal-fondi mogħtija din is-sena, se ssir aktar riċerka fuq ħiliet u edukazzjoni għal dawn il-persuni li jgħaddu minn sfidi soċjali u ekonomiċi.
Il-President Emeritus Marie-Louise Coleiro Preca li hija ċ-Chairperson tal-Fondazzjoni, spjegat kif se jintużaw dawn il-fondi.
“Bis-saħħa ta’ dawn il-fondi ser inkunu nistgħu mhux biss nagħtu taħriġ lil min jaħdem ma’ dawn in-nisa u tfal imma ukoll ser ninvestu fl-iżvilupp tal-ħiliet tal-ommijiet imma ukoll l-investiment fit-tfal.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi saħaq dwar l-importanza li fondi bħal dawn jintużaw bl-aqwa mod anki f’inizjattivi soċjali.
“Bħalissa għadejja konsultazzjoni fuq il-programm tal-fondi ESF+ fejn qegħdin nilqgħu suġġerimenti u qegħdin nisimgħu fuq dokument ta’ konsultazzjoni li ppubblikajna fl-ippjanar ta’ mija u tlieta u disgħin miljun ewro għal ESF+ għas-seba’ snin li ġejjin.”
Din il-ħidma qed issir b’kollaborazzjoni ma’ Life Charity UK, li hija organizzazzjoni li taħdem fir-Renju Unit f’dan il-qasam.