Ikomplu r-riżultati u rekords impressjonanti fl-Atletika lokali hekk kif fi tmiem il-ġimgħa inkisbu ħinijiet mill-aqwa fir-relays 4X100metru kemm tal-irġiel u anke tan-nisa. Dan sar waqt meeting internazzjonali li sar f’Firenze l-Italja.
It-team tar-relay tan-nisa kiseb ħin rekord nazzjonali ġdid ta’ 44.98 sekonda. Dan il-ħin huwa 0.39 ta’ sekonda aħjar mill-ħin rekord ta’ qabel u li kien inkiser ftit tal-ġimgħat ilu. It-team tan-nisa kien kompost mill-atleti: Claire Azzopardi, Charlotte Wingfield, Carla Scicluna u Janet Richard.
Ħin impressjonanti wkoll mit-team tal-irġiel kompost mill-atleti: Graham Pellegrini, Beppe Grillo, Luke Bezzina u Gaetano di Sarro. Huma kellhom ħin ta’ 40.62 sekonda.
Dan pero mhux meqjus bħala rekord nazzjonali minħabba li Sarro mhux ta’ nazzjonalita’ maltija għalkemm xorta hu eleġibbli sabiex jirrapreżenta lil Malta fil-Logħob tal-Pajjizi ż-Zgħar li se jsir ftit tal-ġimgħat oħra.