Komplew jispikkaw ir-reazzjonijiet pożittivi għall-konsultazzjoni li qed iwettaq il-Gvern b’rabta mal-viżjoni ekonomika tiegħu għall-10 snin li ġejjin.
Fost dawn kien hemm John Magro mill-kumpanija Magro Brothers li esprima s-sodisfazzjon tiegħu dwar l-importanza li ngħata s-settur ambjentali.
Huwa stqarr: “Ħadt pjaċir ħafna nara li l-ambjent kien suġġett li huwa wieħed mill-pillastri għall-vizjoni ekonomika tal-futur ta’ pajjiżna. Jalla dawn l-affarijiet jibqgħu jsiru u jkun hemm aktar għarfien dwar l-ambjent tagħna.”
L-Ekonomista u Lettur fl-Università ta’ Malta Dr Marie Brigulio spjegat l-importanza ta’ din il-viżjoni u elenkat numru ta’ aspirazzjonijiet li din tinkludi fi ħdanha.
Hija “Ir-reazzjoni tiegħi lejn il-viżjoni hija li taspira ħafna ’l fuq jiġifieri għandha ħafna aspirazzjonijiet li jiena personalment naqbel magħhom eżempju l-enfasi fuq il-kwalità tal-ħajja, l-enfasi fuq il-kuraġġ u l-kompassjoni, l-enfasi eżempju fuq li rridu nimxu lil hinn milli nkejlu l-ekonomija biss bħala GDP. L-aspirazzjonijiet huma dawk tajbin.”
Intervjena wkoll il-Professur Ian Refalo hekk kif spejga li dawn it-tip ta’ konsultazzjonijiet huma kruċjali għad-demokrazija ta’ pajjiżna.
Huwa sostna: “Naħseb din id-diskussjoni u dan ir-rapport huwa ħaġa sewwa u hija t-triq li fuqha għandna nimxu bħala demokrazija.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ Marthese Portelli sostniet kif din il-viżjoni id f’id mal-istrateġija tal-Gvern għal wara l-pandemija, huma konformi mal-pilastri li l-Kamra tal-Kummerċ stess tiffoka l-ħidma tagħha.
Hija saħqet: “Naħsbu li dan huwa mudell li jista’ jkun wieħed tajjeb għal pajjiżna. L-importanti però li meta niġu għall-pjan tal-implimentazzjoni tiegħu jkun hemm diskussjonijiet kontinwi mal-istakeholders u l-industrija biex naraw kif dan il-pjan jista’ attwalment jitwettaq, jitwettaq fi żmien tajjeb u jitwettaq b’mod realistiku.”