Stħarriġ tal-Bank Ċentrali ta’ Malta jindika li l-bidu tal-iskema tal-Gvern ‘Stabbiltà’ wasal mal-waqfien tat-tendenza ta’ żieda fil-prezzijiet fis-settur tal-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut.
Il-Bank Ċentrali regolarment jikkuntattja lin-negozji biex jistaqsihom dwar l-attività tagħhom u waħda mill-mistoqsijiet hi jekk ikunux għollew jew raħħsu l-prezzijiet.
L-aktar riżultati riċenti ta’ dan l-istħarriġ jindikaw li, għall-ewwel darba, mindu beda jsir dan l-istħarriġ, il-bilanċ nett tal-kumpaniji bl-ingrossa u bl-imnut li għollew il-prezzijiet kien 0%. Fit-tliet xhur ta’ qabel, il-bilanċ nett kien ta’ 60% tal-kumpaniji li żiedu l-prezzijiet.
Il-Bank Ċentrali jirrapporta li, filwaqt li fl-aħħar kwart tal-2023 70% tal-kumpaniji bl-ingrossa u bl-imnut kienu żiedu l-prezzijiet tal-bejgħ, fit-tliet xhur ta’ wara l-proporzjon niżel għal 23%.
Il-proporzjon, li rrapporta tnaqqis fil-prezzijiet, żdied b’aktar mid-doppju għal 23% minn 10%, filwaqt li l-proporzjon bi prezzijiet mhux mibdula tela’ għal 54% minn 20%.
Bilanċ nett (%) ta’ ditti bl-ingrossa u bl-imnut li qalu li għollew l-prezzijiet:
2020 Q4 | 22% |
2021 Q1 | 22% |
2021 Q2 | 38% |
2021 Q3 | 78% |
2021 Q4 | 44% |
2022 Q1 | 31% |
2022 Q2 | 64% |
2022 Q3 | 60% |
2022 Q4 | 82% |
2023 Q1 | 60% |
2023 Q2 | 73% |
2023 Q3 | 33% |
2023 Q4 | 60% |
2024 Q1 | 0% |
L-istudju tal-Bank Ċentrali jindika wkoll li madwar nofs il-kumpaniji kollha intervistati indikaw li kienu se jagħtu żidiet fil-pagi aktar minn 5%. Minħabba li l-inflazzjoni issa qed tonqos, l-impatt ta’ dawn iż-żidiet se jinħass b’mod aktar qawwi mill-ħaddiema.
Matul l-ewwel kwart tas-sena, kważi 60% tal-kumpaniji ddikjaraw li l-kundizzjonijiet tan-negozju tjiebu, żieda minn 52% fit-tliet xhur preċedenti. Is-sehem tal-kumpaniji li ddikjaraw li l-attività kummerċjali marret għall-agħar naqas għal 13% minn 17 % fl-aħħar kwart tal-2023.
Il-kundizzjonijiet kienu aktar pożittivi minn qabel fil-biċċa l-kbira tas-setturi ekonomiċi, iżda b’mod partikolari fis-setturi tal-manifattura u tal-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut. L-impriżi fis-settur tas-servizzi kellhom l-aktar sentiment pożittiv.
Minbarra hekk, kważi 40% tal-kumpaniji qalu li qed jistennew aktar titjib fl-attività tan-negozju, tant li s-sehem tal-kumpaniji li qed jippjanaw li jinvestu aktar żdied għal 36% minn 10% mit-tliet xhur ta’ qabel. Fl-istess ħin, nofs il-kumpaniji intervistati rrapportaw li qed jippjanaw li jżidu l-ammont ta’ mpjiegi.