Il-Gvern impenjat li jagħti saħħa ferm akbar lill-protezzjoni tal-ambjent. Hekk qalet il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija, u l-Intrapriża, Miriam Dalli, waqt l-għeluq ta’ dibattitu fit-Tieni Qari dwar l-emendi tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent.
Fil-Parlament, il-Ministru spjegat li dawn l-emendi isaħħu l-liġijiet ambjentali f’pajjiżna biex mhux biss jagħtu protezzjoni akbar lill-ambjent imma jsaħħu t-trasparenza u l-governanza tajba.
Fid-diskors tal-għeluq, il-Ministru Dalli qalet li l-Gvern se jibqa jaħdem biex jgħin lil kulħadd fis-soċjetà biex jilħaq il-miri li għandu filwaqt li jikseb kwalità ta’ ħajja aħjar.
Dr Dalli għamlet referenza wkoll għat-tnaqqis mir-rimi irresponsabbli tal-plastik li jintuża darba biss, anke bl-iskema tad-depożiti fuq il-kontenituri tax-xorb. Il-Ministru spjegat li diġà nġabru għar-riċiklaġġ aktar minn 83 miljun u 600 elf kontenitur tax-xorb.
Dan anke fid-dawl li l-Gvern qiegħed iwettaq il-mira ambjetali ewlenija li jinvesti €700 miljun f’iktar spazji ħodor f’Malta u Għawdex.
Il-Ministru rrimarkat li, fis-snin li ġejjin, il-Gvern se jkompli jinvesti bi sħiħ fl-enerġija rinnovabbli anke fl-ispirtu ta’ dak li ftiehem pajjiżna waqt il-Med9 ix-xahar li għadda.
Il-Ministru Dalli kkonkludiet li din l-emda tagħti saħħa ferm akbar lill-protezzjoni tal-ambjent b’mod konkret u effettiv.