Il-EuroPride f’Malta hija opportunità għal moviment favur Ewropa iktar inklussiva.
Dan kien il-messaġġ li għaddiet is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg hekk kif kienet qed tieħu sehem fil-Pride March f’Madrid, Spanja, meqjusa fost l-akbar fid-dinja.
Fl-indirizz tagħha, Buttigieg saħqet li f’Madrid qed tkompli tkun iċċelebrata d-diversità ta’ kull individwu filwaqt li jkun hemm aktar promozzojoni għad-drittijiet indaqs għal kulħadd.
Hija qalet ukoll li Madrid hija fost l-aktar bliet li toffri sens ta’ għaqda u sigurtà għall-komunità LGBTIQ+. Dan filwaqt li nnutat il-progress li għamel pajjiżna fl-aħħar għaxar snin fejn pajjiżna kien meqjus wieħed mill-aktar stati konservattivi fl-Ewropa u issa pajjiżna huwa l-aqwa pajjiż fil-qasam tal-ugwaljanza.
Is-Segretarju Parlamentari tenniet li l-Gvern Malti huwa kommess li jkompli jsaħħaħ id-drittijiet LGBTIQ+ anki fil-kultura u l-valuri, mhux biss f’livell ta’ leġiżlazzjoni.
Hija saħqet li t-tolleranza m’hijiex biżżejjed hekk kif ħeġġet lil dawk preżenti biex iżuru pajjiżna bejn is-7 u s-17 ta’ Settembru.
Buttigieg temmet l-indirizz tagħha tgħid li l-EuroPride f’pajjiżna se tkun qed tgħaddi messaġġ ta’ favur id-dinjità u r-rikonoxximent tal-identità ta’ persuna mingħajr biża’ jew mistħija.