Il-Marsa se tara tliet proġetti ġodda, fosthom wieħed li se jkompli jżid is-sigurtà fit-toroq tal-lokalità.
Dan tħabbar propju f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera, fejn spjega kif il-proġett tas-sigurtà jimxi id f’id ma’ dak tal-pulizija fil-komunità.
Qal, “Minħabba kwistjoni ta’ sigurtà fil-Marsa, il-Ministeru tiegħu daħal f’arranġament mal-Kummissarju tal-Pulizija u l-Community Policing u għamilna CCTV Cameras u qed nagħmluhom kullimkien ġewwa l-Marsa biex insaħħu s-sigurtà u ġibna wkoll il-Community Police fiż-żona tal-Marsa.”
Fil-konferenza, anke fil-preżenza ta’ uffiċjali tal-Pulizija, intqal kif il-kameras tas-sigurtà se jkunu fil-binja tal-Kunsill u li għalihom se jkollu aċċess il-Korp.
Hawnhekk ġie spjegat, anke wara li sar studju mill-awtoritajiet, li se jiżdied id-dawl fit-toroq li l-aktar huma magħrufa li jsiru abbużi fihom.
Proġett ieħor huwa dak li se jara ir-restawr tal-Knisja tas-Santisma Trinita u li hija mmexxija mill-Patrijiet Kappuċċini.
Din il-Knisja, b’karateristiċi uniċi, ilha mibnija għal madwar mitt sena u minħabba li tinsab ħdejn toroq arterjali u anke l-port, sarilha l-ħsara fil-ġebel.
Preżenti s-Sindku tal-Marsa Josef Azzopardi ħabbar li t-tielet proġett b’investiment ta’ erbgħa u erbgħin elf ewro se jkun dak ta’ vann, li minnu se jgawdu l-anzjani Marsin.
Qal, “Illum se nniedu l-vann li se jkun għall-anzjani li dalwaqt se nibdew nagħtu s-servizz biex in-nies tal-Marsa li joqgħodu f’żoni ‘l bogħod fosthom Albert Town, in-naħa tal-Korsa jkollhom aċċess permezz ta’ dan il-vann li x-xogħol se jkun f’idejn il-kunsill li jwassalhom f’dawn l-inħawi u jġibhom fil-qalba tal-komunità.”