Pixxina terapewtika, kamra mgħammra b’apparat mużikali u lifts. Dawn huma biss xi ftit mill-affarijiet li rnexxielhom jagħmlu d-Dar tal-Providenza bil-flus li nġabru fil-maratona annwali.
Din is-sena d-Dar tal-Providenza ser jagħmlu l-almu tagħhom sabiex ikomplu jibnu djar fil-komunità biex ir-residenti tagħhom ikunu jistgħu jkomplu jintegraw fis-soċjetà bħala nies independenti.
Fr. Martin Micallef qal “Qed inkomplu bil-proġett ta’ iktar djar fil-komunitá u allura nittamaw li nkun qegħdin nospitaw fid-dar il-ġdida li ħa nagħmlu fil-Balluta diversi persuni oħra li għandhom diżabbilitá u għalhekk irridu nkomplu bix-xogħol li għad hemm bżonn isir, installar tal-lift u anki l-għamara li hemm bżonn inwaħħlu u npoġġu fid-dar.”
Sabiex jilħqu dan il-għan, id-Dar tal-Providenza għandha bżonn l-għajnuna tal-komunità.
Id-direttur tad-dar tal-providenza, Father Martin Micallef saħaq li kull persuna għandha l-bżonnijiet differenti tagħha.
U fakkar kif id-dar toffri għadd ta’ servizzi bil-għan li tkompli tittejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti.
Spjega kif “Id-dar tal-providenza toffri servizzi residenzjali lil mija u ħmistax –il persuna fid-djar differenti li għandna kemm hawnhekk fis-Siġġiewi kif ukoll id-djar li għandna fil-komunitá u kulħadd għandu l-bżonnijiet indvidwali tiegħu u allura l-flus imorru biex jitwieġbu l-bżonnijiet ta’ kull individwu u li jien fid-dar tagħna. Ovvjament bdejna wkoll, komplejna anzi l-ħidma biex niftħu r-raba’, il-ħames dar fil-komunitá, din id-darba fil-Balluta u għalhekk kellna xogħol importanti hemmhekk ukoll biex jekk Alla jrid, is-sena d-dieħla nkunu qed nitfħu din il-ħames dar fil-komunitá.”
Il-festa ta’ ġenerożità, il-maratona b’risq id-Dar tal-Providenza, bħalma saret it-tradizzjoni, ser issir nhar l-ewwel ta’ Jannar tas-sena l-ġdida.