Mill-ġimgħa d-dieħla, irġiel omosesswali u persuni li jkunu siefru f’pajjiżi barranin se jkunu jistgħu jibdew jagħtu d-demm bis-saħħa t’investiment ta’ nofs miljun ewro.
Dan ħabbru l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt li kien preżenti għal żjara li l-President ta’ Malta George Vella kien qed jagħmel fiċ-Ċentru Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-demm fi Gwardamanġa.
Il-Ministru Fearne stqarr li “Bl-apparat li daħħalna din is-sena, b’investiment tal-fuq minn €500,000 u issa li sar it-taħriġ u saru iċ-ċertifikazzjonijiet ħafna minn dawk il-pazjenti li sa issa ma setgħux jagħtu demm, ma tħallewx jagħtu demm inkluż irġiel li jkollhom attività sesswali ma rġiel oħra minn nahr it-tnejn se jkunu jistgħu jagħtu d-demm, dan ifisser li se nkunu nistgħu nirkupraw mal-50 borża demm aktar fil-ġimgħa”.
Ġaladarba jitlestew il-verifiki fuq is-sistemi l-ġodda, rġiel gay se jkunu jistgħu jagħtu demm sa tliet xhur wara l-aħħar kuntatt sesswali.
Fearne tenna li “Fejn jidħlu rġiel gay bħalma jiġru fil-pajjiżi kollha illi neħħew ir-ristrizzjoni fuq dawn id-donaturi, ħa jkun hemm differiment ta’ sena għall-ewwel li mbagħad wara li nivverifikaw is-sistemi jonqos għal sitta, erba’ u tliet xhur”.
Bis-saħħa ta’ dan l-investiment in-nies eliġibbli li jagħtu d-demm mistenni jiżdied b’50 donatur fil-ġimgħa. Dawn se jkunu qegħdin ikomplu jiżdiedu mas-17,000 donatur li s-sena l-oħra taw id-demm.
Il-President Vella ta ħajr personalment lil numru ta’ donaturi li kienu qegħdin jagħtu d-demm u fakkar kif ir-riżerva tad-demm mhix xi ħaġa infinita.
Il-President Vella stqarr li “S’issa hemm bilanċ li qed jintlaħaq, dan mhux assigurat li jkun hemm aktar ‘l quddiem jekk ma jżidux id-donaturi. l-appell tiegħi huwa illi n-nies jirrealizzaw li din hija obbligu li wieħed jagħti d-demm ħalli min jiġi bżonn id-demm isibu hemhekk”.