B’nefqa soċjali ta’ sitt mitt elf ewro fuq medda ta’ tliet snin li ġejjin, din is-sena biss mistennija jgawdu madwar ħmistax u għoxrin persuna oħra mis-servizzi li toffri l-Fondazzjoni Rise permezz ta’ ftehim li ffirmat mal-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat li dan huwa t-tieni ftehim tax-xorta tiegħu mal-Fondazzjoni Rise li taħdem mill-qrib mal-priġunieri u tgħinhom jintegraw lura fis-soċjetà.
Fr Franco Fenech, fundatur tal-istess fondazzjoni stqarr li bħalissa għaddejjin taħdidiet mal-Gvern sabiex anki tinfetaħ faċilità għan-nisa priġunieri li jkunu ħa joħorġu mill-ħabs.
Qal, “Matul din is-sena madwar ħmistax, għoxrin ruħ inkunu nistgħu naqduhom anki minħabba li fil-viċin għandha tingħata dar oħra lill-Fondazzjoni, bħalissa qegħdin fi trattamenti anki ma’ dan il-Ministeru illi fiha tagħti anki l-possibilitá li jkun sezzjoni anki għan-nisa.”
Fr Franco spjega x-xogħol estensiv li tagħmel il-Fondazzjoni Rise mal-priġunieri fl-aħħar sena tas-sentenza tagħhom.
Spjega, “L-ispeċifiku ta’ dan il-programm huwa propju dak illi inti m’għandekx massa kbira ta’ nies illi ma tistax tagħti kura individwali fiha, imma għandek ftit nies li tista’ tagħtihom kura individwali għaliex kull wieħed għandu storja u bżonnijiet partikolari.”
Min-naħa tiegħu l-Ministru Michael Falzon esprima x-xewqa tiegħu li jkun hemm appoġġ ukoll mis-soċjetà għaliex il-ġustizzja ma tispiċċax meta l-persuna tintbagħat il-ħabs.
Qal kif, “Hija importanti għaliex huwa importanti li mhux biss persuna tiskonta s-sentenza u abbandunajtu imma lejn l-aħħar trid tieħu wkoll il-gwida illi jaqbad biex ngħid hekk it-triq it-tajba.”
Preżenti kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti Mark Musù fejn spjega li bħal dan il-ftehim hemm madwar erbgħa u tletin ftehim ieħor ma’ diversi għaqdiet.
Intant il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali Alfred Grixti saħaq li dan huwa investiment soċjali li permezz tiegħu ma nipperpetwawx il-problemi.