Meta kkumparat ma’ Marzu 2013, in-numru ta’ persuni b’diżabilitá jfittxu impjieg f’pajjiżna naqas b’201 persuna. F’Marzu n-numru ta’ persuni b’diżabilitá kien ta’ 563 filwaqt li f’Awwissu ta’ din is-sena dan in-numru naqas għal 362.
Dwar dan one.com.mt tkellem maċ-Chairman tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-persuni b’diżabilitá, Oliver Scicluna. Huwa stqarr li dan huwa pass pożittiv ħafna u li jindika li bosta persuni b’diżabilitá daħlu fid-dinja tax-xogħol. Iżda fi kliemu spjega li xorta waħda jemmen li għal xi raġuni jew oħra għad hemm dawk li mhux jirreġistraw għax-xogħol. “Jien inkompli nisħaq li l-infurzar tal-liġi tal-impjieg għal persuni b’diżabilitá huwa riżultat ta’ Gvern proattiv li poġġa dan is-suġġett fuq l-aġenda Nazzjonali wara diversi snin, u għalhekk min iħaddem qiegħed jiġi aktar mgħarraf u qe jifhem aktar il-potenzjal ta’ post tax-xogħol inklussiv.
Scicluna spjega li dan il-progress huwa kruċjali għal kull persuni b’diżabilitá f’pajjiżna u li kieku ma kienx dan il-Gvern li beda din il-ħidma, żgur li ma konniex se naslu s’hawn. Għamel referenza wkoll għall-importanza tal-ftuħ ta’ entitajiet bl-għan li jigwidaw persuni u jgħinuhom jfittxu x-xogħol. Fi kliemu, ċ-Ċhairman tal-KNPD, jemmen li l-prijoritá li jmiss għall-Gvern fejn jidħlu persuni b’diżabilitá għandha tkun l-edukazzjoni.
“Jeħtieġ ikollna tisħieħ f’edukazzjoni inklussiva għaliex l-edukazzjoni tibqa dejjem iċ-ċavetta għall-futur. Importanti li jkun hemm aktar opportunitajiet ta’ taħriġ għal dawk il-persuni b’diżabilitáli qegħdin din-dinja tax-xogħol sabiex niżvilluppaw career development sabiex persuna jkollha ċans taspira għal pożizzjonijiet aħjar.”
Huwa temm jgħid li kull persuna b’diżabilitá li tixtieq taħdem għandha tingħata l-ispazju inklussiv neċċesarju biex in-numru ta’ persuni li qed ifittxu impjieg ikompli jonqos.