It-teknoloġija informattika qed tbiddel il-mod li bih naħżnu l-informazzjoni dwarna nnifusna inkluż il-kwalifiċi akkademiċi tagħna.Malta qed tkompli tkun pjuniera f’dan l-avvanz teknoloġiku hekk kif minn din is-sena se jkun possibbli li jkun hemm aċċess għaċ-ċertifikati akkademiċi tal-MCAST, ITS u l-NCFHE online fuq il-blockchain permezz ta’ App.
Il-viżjoni ta’ Malta bi strateġija Nazzjonali tal-Blockchain qed tkompli tiġbed l-attenzjoni ta’ pajjiżi oħra, inkluż l-Unjoni Ewropa. Malta se tkun l-ewwel pajjiż li se jħaddem sistema’ nazzjonali fejn iċ-ċertifikati akkademiċi ikunu aċċessibbli online fil-blockchain. Il-blockchain hija sistema teknoloġika kumplessa li tinbena permezz ta’ skambju t’informazzjoni u tiggarantixxi l-awtentiċità tad-dokumenti tispjega Natalie Smoleski minn Machine.
Permezz ta’ app l-istudent se jkun jista’ jaċċessa l-kwalifiċi tiegħu inkluż ċ-ċertifikati, u jaqsamhom ma’ ħaddieħor, anke ma min potenzjalment jista’ jħaddmu, bis-sigurtà li toffri l-blockchain. B’hekk iċ-ċertifikati u l-verifikazzjoni tagħhom mhux se jibqgħu iktar dipedenti fuq l-istituzzjonijiet edukattivi li joħorġuhom. Il-Ministru għall-Edukazzjoni u Xogħol Evarist Bartolo saħaq li l-pass li jmiss huwa li din it-tekonoloġija ġdida tal-blockchain tintuża ukoll għat-tagħlim u mhux biss għall-ħażna taċ-ċertifikati
Sal-aħħar ta’ din is-sena huwa mistenni li jibda jitħaddem il-ftehim li ġie ffirmat illum. B’hekk permezz ta’ dawn il-proġetti pilota il-block certificates ta’ tlett istituzzjonijiet edukattiivi – l-MCAST, l-ITS u l-NCFHE se jkunu aċċessibbli online. Is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni Silvio Schembri saħaq kif permezz ta’ dan il-proġett Malta qed tagħti messaġġ ċar, anke fuq livell internazzjonali, meta qed ngħidu li rridu lil Malta bħala blockchain island.