Il-Prim Ministru Joseph Muscat żar l-MCAST fejn iltaqa’ ma’ numru ta’ studenti u organizazzjonijiet differenti, fergħat ta’ negozji u l-amministrazzjoni tal-MCAST.
F’kummenti li ta lill-ġurnalisti, il-Prim Ministru qal li għaddejjin diskussjonijiet biex anke studenti mill-MCAST ikollhom iċ-ċans li jaħdmu mal-Crane Currency, li hija waħda mill-ikbar kumpaniji fid-dinja fl-istampar tal-flus li għażlet lill-pajjiżna għall-investiment ta’ $100 miljun.
Il-Prim Ministru sostna l-importanza li jissaħħu l-ħiliet tal-istudenti f’diversi oqsma biex ikunu preparati għan-neċċessitajiet tas-suq tax-xogħol tal-illum.
Din is-sena hija waħda importanti għall-MCAST hekk kif se jkunu qed jibdew numru ta’ korsijiet ġodda filwaqt li għall-ewwel darba l-istudenti għandhom ċans ikomplu jistudjaw fil-livell ta’ Masters.