Gruppi ta’ tfal miċ-ċentri ta’ skola sajf tal-Gżira, Tas-Sliema u San Ġiljan ingħaqdu f’Tas-Sliema għal ċelebrazzjoni fl-għeluq il-kampanja Aqra Sajf organizzata mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu.
Fi tmiem ir-raba’ sena tal-kampanja aqra sajf, saret ċelebrazzjoni f’Tas-Sliema bis-sehem tal-ambaxxaturi tal-qari li matul is-sena skolastika daru bosta skejjel biex jaqraw mat-tfal bil-Malti u bl-Ingliż. Matul din iċ-ċelebrazzjoni l-ambaxxaturi tal-qari Taryn Mamo Cefai, Carmel Busuttil u Saviour Darmanin qrawlhom stejjer bil-Malti u bl-Ingliż.
One News iltaqa ma’ wħud mit-tfal li kienu preżenti għaċ-ċelebrazzjoni fejn tkellimna magħhom dwar il-kotba li qraw matul is-sajf.
Dawn it-tfal li għandhom bejn 4 u 7 snin kellhom l-opportunita’ li tul il-vaganzi tas-sajf jieħdu sehem fil-programm Seħer l-Istejjer li saru fi 30 lokalità mifruxin madwar Malta u Għawdex filwaqt li tfal ta’ età iżgħar, kellhom iċ-ċans li jkattru l-imħabba għall-qari permezz tal-programm Aqra Miegħi li sar f’60 lokalità.
Fil-jiem illi ġejjin ser jitħabbru r-rebbieħa minn fost it-tfal kollha li laqgħu l-isfida KEMM QRAJT FIS-SAJF li tinvolvi li t-tfal jaqraw minn ħames kotba jew aktar tul il-btajjel tas-sajf.