“Hemm bżonn li naraw aktar nisa u tfajliet involuti fil-qasam tal-ICT” – kliem il-Membru Parlamentari Ewropew Miriam Dalli fi żjara li għamlet fil-binja tal-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni.
Dalli qalet li fid-dinja tal-lum, l-inugwaljanzi fl-aċċess għat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT) huma tkomplija tal-inguwaljanzi ekonomiċi u soċjali.
Għalhekk hemm bżinn impenn biex iżjed persuni jkunu nklużi fil-fora diġitali, sew fuq livell Ewropew imma wisq iktar f’Malta.
L-ICT hija l-preżent u l-futur, u ma jistax ikollna setturi fis-soċjetà li jibqgħu ’l barra minnha. Dalli innotat li d-differenza bejn dawk li jużaw l-internet u dawk li jużawħx hija sinnifikanti.
F’Malta, aktar minn 18% għad m’għandhomx aċċess għall-internet. Aktar minn 64% tal-individwi ta’ bejn 65 u 74 sena mhumiex jużaw l-Internet, għaldaqstant ma jistgħux jaċċessaw is-servizzi offruti tal-e-government.
Miriam Dalli qalet li hemm bżonn aktar inizjattivi li jsaħħu l-inklużjoni diġitali għall-anzjani u l-persuni b’diżabilità.
Grazzi għal ħidma konġunta bejn il-membru Ewroparlamentari, l-MCA u l-Ministeru tal-Kompetittività, il-pjattaforma Amazon qed toffri l-possibilità lill-bejjiegħa Maltin ibigħu l-prodotti tagħhom. Flimkien iddiskutew dwar il-potenzjal li inizjattivi bħal dawn jiġu estiżi.
Barra minn hekk, Miriam Dalli ddiskutiet maċ-Ċermen tal-MCA il-ħtieġa li jkun hawn parteċipazzjoni akbar ta’ tfajliet u nisa fil-qasam diġitali f’oqsma li qed jiżviluppaw, bħall-coding.
Bħalissa l-MCA għaddejja b’ħidma biex iż-żoni ta’ WiFi mingħajr ħlas jilħqu t-300 sal-aħħar ta’ din is-sena biex tagħmel lil Malta waħda mill-aktar pajjiżi konnessi, skont kif imwiegħed fil-manifest elettorali.
Kelliema għall-MCA ikkonfermat li sar progress kbir tant li n-numru preżenti jlaħħaq il-270.