In-numru ta’ nisa li jagħżlu li jilqgħu l-istedina għal screening b’xejn għall-kanċer tas-sider żdied b’22%.
Qalet dan id-Direttur tat-Taqsima Nazzjonali tal-iscreening Dr Stephanie Xuereb.
Dr Xuereb qalet li din iż-żieda fin-numru ta’ nisa li jaċċettaw li jagħmlu dan it-test waslet grazzi għaż-żieda fil-kuxjenza li nħolqot anki mill-Fondazzjoni Marigold.
Hija spjegat: “Matul is-snin qed naraw żieda ta’ nisa li qed jieħdu sehem f’dan il-programm. Jiġifieri fejn erba’ u ħames snin ilu kien hemm qisu 50% li qed nibgħatulu stedina u jiġi biex jagħmel il-memogram kull sena qed naraw żieda. Jiġifieri llum il-ġurnata jekk nieħdu s-sena li għaddiet ilħaqna kważi 67%.”
F’rendikont dwar is-somma ta’ flus miġbura fl-2019 waqt Pink October u l-kampanja Movember iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Marigold is-Sinjura Michelle Muscat spjegat kif b’kollox inġabru €175,000.
Hija spjegat kif permezz ta’ din is-somma sabiħa inxtara apparat avvanzat ġdid li jiswa mat-80,000 u li ser jgħin lit-Taqsima Nazzjonali tal-iscreening twettaq xogħla b’iktar effiċjenza.
Dr Xuereb spjegat l-użu ta’ dan l-apparat ġdid: “Wara li l-persuna tagħmel il-memogram ir-ritratt jitla’ fuq sistema diġitali kompjuterizzata b’teknoloġija avvanzata mbagħad dan jista’ jinqara minn radjoloġisti.”
Il-bqija tas-somma inqasmet bejn seba’ għaqdiet mhux governattivi.
Intant fl-isfond tal-istudju tad-Direttur ta’ Cancer Care Pathways Dr Danika Marmarà li jitkellem dwar kif żewġ terzi tal-irġiel Maltin kollha qatt ma ċċekjaw jew ma jafux kif għandhom jiċċekjaw lilhom infushom għal kanċer fit-testikoli, is-Sinjura Muscat kompliet tisħaq fuq l-importanza tal-kuxjenza għall-mard.
Is-Sinjura Muscat appellat: “Għandhom jiċċekjaw ukoll lilhom infushom. Li hija mhux xi ħaġa li jagħmluha n-nisa biss imma wkoll xi ħaġa li bħala raġel għandek tiċċekkja lilek nnifsek u tara li l-ġisem tiegħek ma nbidilx u allura naħseb dan jawgura tajjeb biex issa fis-snin li ġejjin immexxu dan il-messaġġ, nedukaw lill-poplu u fl-istess ħin jinġabru fondi biex jgħinu speċifikament lil min ikun għaddej minn dawn il-problemi.”