30 mara minn żgħażagħ sa adulti se jitħarġu fit-tieni edizzjoni tal-programm LEAD tal-Partit Laburista.
Porgramm li ser jibda x-xahar id-dieħel, u li ser jagħti l-opportunita’ lill-parteċipanti biex jinvolvu ruħhom fil-ħajja politika – Mira ewlenija tal-Partit Laburista biex filwaqt li l-istess Partit ikompli jiġġedded, iħajjar aktar nisa biex jirrapreżentaw lil pajjiżna fl-ogħla istituzzjonijiet fosthom fil-Kunsilli Lokali, fil-Parlament, u fl-Unjoni Ewropea.
F’sena, il-Partit Laburista rnexxielu jħajjar mitt mara biex jissieħbu f’dan il-programm ambizzjuż li għandu l-għan li jiżviluppa politiċi ġodda li jindirizzaw il-polz tal-elettorat.
Uħud mill-parteċipanti l-ġodda tkellmu ma’ ONE News dwar dak li ħeġġiġhom iwieġbu għas-sejħa tal-Partit Laburista.
Is-Segretarju tal-Eżekuttiv Lydia Abela qalet kif inizjattivi bħal LEAD poġġew lill-Partit Laburista fuq quddiemnett sabiex nisa minn oqsma differenti jidħlu fid-dinja politika.
Il-President tal-Partit Laburista Daniel Micallef iddeskriva l-programm LEAD bħala pont biex iwassal aktar nisa fl-ogħla istituzzjonijiet tal-pajjiż.
Il-koordinatriċi ta’ LEAD Miriam Dalli saħqet dwar l-importanza li fi żmien żewġ leġislaturi, il-Partit Laburista jkollu parita’ fl-ammont ta’ kandidati li se jirrapreżentawh:
“Il-Partit Laburista huwa partit li joffri l-opportunitajiet. Aħna m’aħniex lesti li ningħalqu fina nfusna, aħna nħarsu ‘l quddiem li jkollna katar nisa u irġiel li jersqu ‘l quddiem, joffru l-vuċi tagħhom, jagħtu l-opinjoni tagħhom, għaliex huwa b’dak il-mod li jkollna l-politika ħajja li tirrapreżenta l-poplu Malti u Għawdxi”.