In-numru ta’ djar li jagħmlu użu minn pannelli solari fuq il-bjut tagħhom huwa ta’ 28,652.
Fl-istess waqt, in-numru ta’ sistemi ta’ pannelli installati fuq binjiet ta’ kumpaniji privati huwa ta’ 1,970.
Dawn iċ-ċifri pożittivi ħarġu minn tweġiba li tat il-Ministru għall-Enerġija, Miriam Dalli, għal mistoqsija parlamentari. Hija infurmat lill-Kamra tad-Deputati li, sal-aħħar tas-sena li għaddiet, il-kapaċità totali ta’ enerġija ġġenerata mill-pannelli tax-xemx qabżel il-mitejn u ħames megawatt (205MW).
Dan ifisser li l-pannelli solari fuq id-djar għandhom kapaċità totali ta’ erbgħa u disgħin megawatt, filwaqt li l-pannelli fuq il-binjiet ta’ kumpaniji privati għandhom kapaċità totali ta’ mija u ħdax-il megawatt u nofs.
B’reazzjoni għal dan, il-Ministru Miriam Dalli qalet li l-Gvern se jibqa’ jinċentiva lill-familji u n-negozji sabiex jagħżlu li jaqilbu għal enerġija nadifa.
Qalet, “Irridu li, bħala pajjiż, inkomplu ninċentivaw din il-bidla u dan l-investiment biex ikollna aktar enerġija nadifa. Bl-istess mod, qed naraw li nkomplu ninċentivaw dak li jissejjaħ battery storage technology, ħalli min ikun qiegħed jipproduċi din it-tip ta’ enerġija nadifa jkun jista’ jistorjaha f’batteries apposta u dawk il-familji u l-intrapriżijikunu jistgħu jużaw l-enerġija li pproduċew huma stess fl-aħjar ħinijiet tal-ġurnata.”
Intant, ġie spjegat ukoll li, skont l-aħħar ċifri uffiċjali li jirreferu għas-sena 2020, il-persentaġġ ta’ enerġija mill-pannelli solari bħala parti mill-konsum totali tal-enerġija elettrika laħaq id-9.5% fil-mija, li huwa l-parti l-kbira tal-persentaġġ totali ta’ 10.7 fil-mija ġġenerata minn enerġija rinnovabbli.