Il-Kamra tal-Kummerċ fir-Renju Unit wissiet li n-negozji mistennija jgħollu l-prezzijiet b’mod sinifikanti fix-xhur li ġejjin kawża taż-żidiet qawwija li ġew imposti fuqhom bil-baġit għal din is-sena.
Stħarriġ mill-istess kamra tal-kummerċ fost 5,000 negozju, sab li 55% tan-negozji huma determinati li jgħollu l-prezzijiet tagħhom fit-tliet xhur li ġejjin, b’żieda ta’ kważi 40% sat-tielet kwart tas-sena.
Il-Gvern Britanniku jinsab taħt attakk min-negozji, partikolarment wara ż-żidiet fil-baġit fil-ħlas tal-bolol tal-ħaddiema u fil-paga nazzjonali.
Il-BBC ukoll irrapporta kif it-tħassib fost in-negozji kien fl-ogħla livelli mill-2017 lil hawn wara d-deċiżjoni tal-Ministru għall-Finanzi Rachel Reeves li żżid il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà nazzjonali tal-employers b’ħamsa u għoxrin biljun Sterlina fil-baġit t’Ottubru.
L-istħarriġ tal-Kamra tal-Kummerċ fir-Renju Unit ukoll sab li l-akbar raġuni tal-kumpaniji li jżidu l-prezzijiet kienet iż-żieda fl-ispejjeż biex iżommu l-ħaddiema magħhom, partikolarment fl-industriji tal-ospitalità, it-trasport u l-loġistika.
Dan kollu qed iwassal biex il-fiduċja tan-negozji għaż-żmien li ġej tinżel fl-inqas livelli mindu l-eks Prim Ministru Liz Truss kienet għamlet mini-baġit fil-ħarifa tal-2022, li wkoll kien ħoloq inkwiet għall-pajjiż.
Fil-fatt mal-kwart tal-kumpaniji qalu li qed jirtiraw il-pjani tagħhom li jinvestu.
Il-Gvern ta’ Starmer iwaħħal fl-amministrazzjoni diżastruża preċedenti għal dawn il-piżijiet ġodda neċessarji biex tissolva l-kriżi finanzjarja. Dan minbarra sfidi oħrajn kbar li l-poplu Britanniku kellu jiffaċċja fl-aħħar snin, inkluż tnaqqis fl-għajnuna fil-kontijiet tal-enerġija.
Dan kollu jikkuntrasta bil-kbir mas-sitwazzjoni f’pajjiżna, fejn waqt li l-ekonomija għadha qed tikber b’rati bla preċedent, il-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela mhux biss ippreżenta l-aktar baġit soċjali fl-istorja, iżda għadu l-uniku wieħed fl-Unjoni Ewropea kollha li ma tefax piżijiet fuq il-familji u n-negozji fil-kriżi tal-enerġija.