L-iskema ta’ sussidju fuq il-kirjiet industrijali għall-ħażna tan-negozji mill-Malta Enterprise ġiet estiża biex tilqa’ fiha iktar negozji quddiem sfidi kummerċjali li qed jiddominaw internazzjonalment.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet ġewwa l-uffiċċini tal-Malta Enterprise.
Fil-fatt gi preżentazzjoni dettaljata dwar din il-miżura, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia spjega li minn din il-miżura sa issa diġà gawdew 16-il negozju b’assistenza totali ta’ madwar €400,000.
Tenna kif f’din l-estensjoni issa għaliha huma eliġibbli mhux biss dawk in-negozji fil-qasam tal-manifattura, tiswija ta’ vetturi u dawk industrijali iżda wkoll negozji żgħar u medji, li jħossu li għandhom ikabbru l-ħażna tagħhom u b’hekk ikollhom bżonn faċilitajiet għall-ħażna.
Kurt Farrugia spjega li din l-estensjoni ta’ din il-miżura waslet wara konsultazzjoni mal-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji. Dan fid-dawl ta’ prezzijiet għoljin ta’ trasportazzjoni minħabba n-nuqqas ta’ kontejners madwar id-dinja quddiem d-domanda li żdiedet f’salt hekk kif ħafna ekonomiji bdew jirpiljaw mill-effetti tal-pandemija
Tenna li b’kollox hemm allokati żewġ miljun u nofs ewro għal din l-iskema u kull negozju jew intrapriża jistgħu jgawdu minn benefiċċju massimu ta’ €25,000 fuq sena. Dan il-benefiċċju jista’ jingħata wkoll fuq totall ta’ tliet snin għal massimu ta’ €75,000.
Qal, “Rajna li billi jżidu l-ispazju għal ħażna jistgħu jirregolaw aħjar il-prezzijiet tagħhom u minflok iġibu ammont żgħir ta’ materjal, jistgħu jġibu ammonti ikbar sabiex ikunu jistgħu jaraw il-prezzijiet tagħhom jirregolawhom skond is-swieq b’mod aħjar.
Intant dwar din il-miżura, il-Ministru għall-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli tenniet li l-għan ewlieni wara din l-estensjoni hija li tibgħat messaġġ li dan il-Gvern se jibqa’ ta’ għajnuna għan-negozji.
Hija aċċennat ukoll għall-kriżi li ħakkmet l-Ewropa dwar il-kontijiet għoljin tad-dawl. Hawn il-Ministru Dalli spjegat li l-Gvern se jibqa’ jkun hemmhekk għan-negozji anke quddiem din il-problema wara li Malta kienet waħda mill-uniċi pajjiżi li żammet stabbli l-prezzijiet tal-enerġija.
Spjegat, “Qed naraw x’qed jingħad fuq livell Ewropew fejn hemmhekk hemm previżjonijiet li l-prezzijiet tal-enerġija jistgħu jistabbilizzaw f’April tas-sena d-dieħla, il-Gvern huwa kommess li jkun spalla ma’ spalla mal-konsumaturi kollha biex dak il-piż ma ngħadduhx fuq il-konsumaturi b’mod partikolari fi żminijiet bħal dawn fejn qed naraw ukoll l-ekonomiji jippruvaw jirkupraw mill-pandemija.”