Is-sit awtorevoli u indipendenti Politico żvela li hemm sitt Membri Parlamentari Ewropej u uffiċjal ieħor tal-Parlament Ewropew, li għadhom fil-pożizzjonijiet tagħhom, minkejja li huma involuti fl-akbar skandlu li ħakem il-Parlament Ewropew fl-aħħar snin, dak tal-Qatargate.
Parlament Ewropew li fit-tmexxija tiegħu hemm l-Membru Parlamentari Ewropew tal-Partit Nazzjonalista, Roberta Metsola.
Il-Politico żvela dan minn dokumenti li rat minn investigazzjoni li għaddejjin mill-Pulizija dwar dan il-każ.
Apparti dawn l-Ewroparlamentari li għadhom jaħdmu f’din l-istituzzjoni li tmexxi Metsola, hemm tliet membri Parlamentari Ewropej li diġà huma akkużati dwar dan l-iskandlu li ħakem lill-Parlament Ewropej.
Il-Politico rrapporta li dawn l-Ewroparlamentari qed ikunu investigati dwar allegat skema, fejn politiċi ħadu flus jew rigali mill-Qatar u minn gvernijiet oħrajn biex jinfluwenzaw il-politika u anki d-dibatti f’din l-istituzzjoni Ewropea.
Intqal li s’issa dawn il-persuni għadhom ma ġewx akkużati b’konnessjoni dwar dan il-każ, iżda għaddejja investigazzjoni dwarhom mill-awtoritajiet Belġjani.
Is-sit awtorevoli Politico għażel li ma jsemmiex l-ismijiet li qed ikunu suspettati dwar dan l-iskandlu, minħabba raġunijiet legali.
F’dawn id-dokumenti qed ikun allegat li uħud minn dawn il-Membri Parlamentari Ewropej ġew imwegħda ammont ta’ kwart ta’ miljun ewro biex jgħinhom fil-kampanja elettorali fl-aħħar elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Dan filwaqt li f’każ separat, ieħor allegatament rċieva arloġġ bħala rigal.
Dan l-aħħar Transparency International dwar dan l-iskandlu li heżżeż il-Parlament Ewropew immexxi minn Metsola qalet li huwa ddominat minn kultura ta’ impunità.
Transparency International tenniet ukoll li r-riformi mwiegħda minn Metsola wara dan l-iskandlu għadhom ma sarux u saħansitra l-Parlament Ewropew għażel li jnaqqas mis-saħħa ta’ regoli li kienu diġà jeżistu.
Dan ħareġ fiż-żmien meta ġew żvelati chats bejn Metsola u dik li kienet Viċi-President tagħha Eva Kaili.